Jekk trid taċċedi għal artikli oħra IRREGISTRA HAWN
Novembru-Diċembru 2023
Editorjal
Is-sabiħ ta’ xulxin
Qegħdin fiż-żmien tal-festi! Kulħadd jiċċelebra bil-mod tiegħu. Sabiħ li wieħed ifakkar avvenimenti sbieħ u importanti fl-istorja u kull sena jew perjodu jerġa’ jqajjem fih il-ħeġġa ta’ dak l-avveniment, u jiċċelebra! Żmien il-Milied huwa wieħed minn dawn il-mumenti sbieħ li d-dinja kollha tiċċelebra; min b’mod aktar awtentiku għaliex jemmen fit-Twelid ta’ Kristu u min b’mod aktar superfiċjali għaliex huwa żmien ta’ festi, rigali u tiżjin biss.
Meta avveniment ikun importanti niċċelebraw ukoll l-anniversarji tiegħu. F’dawn is-snin li ġejjin il-Franġiskani mxerrdin mad-dinja kollha qed jiċċelebraw diversi anniversarji fl-istorja tagħhom iżda li affettwaw id-dinja kollha. F’din is-sena (2023) qed niċċelebraw il-konferma tar-Regola Bullata Franġiskana mill-Papa fl-1223 kif ukoll meta San Franġisk għamel rappreżentazzjoni ħajja tal- Presepju fi Greccio u hekk ħa l-isem li huwa dak li ħalaq il-Presepju.
Fir-Regola San Franġisk dam ħafna jtella’ u jniżżel għaliex fl- idea tiegħu l-unika regola li kellu jkollhom il-patrijiet tiegħu kienet il-Vanġelu ... xejn aktar u xejn inqas. Iżda meta żidu l-patrijiet u l-Ordni beda jikber bilfors kellha ssir struttura u gwida biex ikun hemm aktar kontroll u ordni. F’dan iżda tajjeb li nżommu f’moħħna l-intenzjoni tal-Fundatur ... li ngħixu l-Vanġelu u li nħabbru bl-inqas kliem possibli u l-aktar bl-eżempju lil ġesù Kristu.
Żmien il-Milied għal San Franġisk kien speċjali: kienet il- Festa tal-Festi. Kien iħeġġeġ li saħansitra anki lill-annimali jeħtieġ li nagħtu ikel doppju ... għax twieled ġesù, għax Alla ġie fostna għall-imħabba tagħna. Għalhekk il-Qaddis ta’ Assisi ried li jaqsam mal-oħrajn dan il-ferħ tiegħu u juri b’rapprezentazzjoni din ix-xena tant importanti għall-umanità.
huwa għalhekk li niċċelebraw: għax aħna ferħanin b’kisbiet u ideat ta’ ħaddieħor qabilna li permezz tagħhom aħna lkoll, anki llum, qegħdin ingawdu. Fil-kas tagħna: l-ispirtwalità Franġiskana mxerrda mad-dinja kollha u l-Presepju li narmaw fi djarna li jfakkarna fil- fidwa tagħna. Kemm hu sabiħ li niċċelebraw aħna xi ħaġa li għamilha ħaddieħor! Dan huwa l-qofol tal- umanità: li nkunu magħquda u mhux kulħadd jaħseb fih innifsu. huwa dak li Papa Franġisku jsejjaħ Fraternità, li mhux il-patrijiet u s-sorijiet biss iridu jgħixu, iżda n-nies tad-dinja kollha jekk irridu li din id-dinja ngawduha! Jalla nbiegħdu minna lkoll l-egoiżmu u nifirħu flimkien bil-ġid u s-sabiħ ta’ xulxin.
Paul Darmanin
Jekk trid taċċedi għal artikli oħra IRREGISTRA HAWN