MIN AĦNA - Il-Habbar ta' Sant'Antnin

Go to content
L-istorja ta’ IL-ĦABBAR TA’ SANT’ANTNIN

F’Malta u Għawdex minn dejjem kien hawn devozzjoni qawwija lejn Sant’Antnin ta’ Padova. Biex din id-devozzjoni tkompli dejjem tikber, f’Jannar 1911, il-Franġiskani Konventwali kienu ħarġu l-ewwel numru tar-rivista bil-Malti, Il-Ħabbar ta’ Sant’Antnin. Il-fundatur kien Patri Wiġ Tonna Barthet OFMConv., Ministru Provinċjal (1908-1917). Hu kien ukoll l-ewwel direttur tar-rivista. Din mill-ewwel saret popolari fost il-Maltin u l-Għawdxin. Ħafna kienu l-abbonati, tant li l-ewwel numri tar-rivista nħatfu wara ftit. Fil-bidu tiegħu Il-Ħabbar ta’ Sant’Antnin qala’ l-barka tal-Isqof ta’ Malta Mons. Pietru Pace u dik ta’ Mons. Ġorġ Caruana, Isqof Malti fi Puerto Rico, li kien abbonat fir-rivista.

Għall-ewwel Il-Ħabbar kienu jistampawh fl-istamperija tad-Dar ta’ San Ġużepp, il-Ħamrun. Fis-snin 20 ix-xogħol beda jsir fit-tipografija ta’ Chrétien, fi Triq l-Ifran, il-Belt. Wara t-tieni gwerra dinjija (1939-45), ir-rivista reġgħet ittiehdet għall-istampar fid-Dar ta’ San Ġużepp. Fil-bidu tas-snin ħamsin marret fil-Lux Press tal-Ħamrun, imbagħad għal ftit xhur fl-Orphans’ Press tal-Istitut ta’ San Ġużepp f’Għajnsielem.

Minn Jannar tal-1957 Il-Ħabbar ittieħed għand id-ditta Giov. Muscat ta’ Triq il-Merkanti l-Belt. Imbagħad fl-1962, il-patrijiet xtraw stamperija u bdew jistampaw ir-rivista huma stess fil-kunvent ta’ San Franġisk il-Belt. Aktar tard il-magni tas-St Francis Press ittiehdu fil-kunvent il-ġdid ta’ Birkirkara, fi Triq l-Imsida. L-aħħar faxxikli tar-rivista ħargu minn hemm.
Fis-snin sittin saru ħafna sagrifiċċji biex ir-rivista tibqa’ toħroġ. Din, għalkemm kienet tinbiegħ bi ftit flus, kienet saret piż tqil biex tiġi ppubblikata. Dik il-ħabta kien hawn ħafna rivisti reliġjużi tal-istess xeħta ta’ Il-Ħabbar. L-interess naqas u r-rivista kienet isserrah fuq l-ghajnuna finanzjarja li kienu jagħtu s-superjuri u l-benefatturi.

Kien għadu kif spiċċa l-Konċilju Vatikan II li ta ħafna importanza lill-mezzi ta’ komunikazzjoni. Fl-1967 grupp ta’ erba’ patrijiet Franġiskani Konventwali waqqfu bord editorjali. P. Alessandu Bonnici sar l-ewwel editur u flimkien ma’ P. Alfred Calleja, P. Ruġġier Camilleri u P. Elija Vella xtaqu jaghtu xejra ġdida lill-Ħabbar ta’ Sant’Antnin. Għalkemm kien deċiż li Il-Ħabbar jibqa’ joħroġ, huma xtaqu jhejju pubblikazzjonijiet ta’ xeħta u għamla ġdida fil-qasam tal-letteratura reliġjuża. Dan wassal għat-twaqqif tad-Dar Editriċi "Reliġjon u Ħajja" li sas-sena 2000 ippubblikat iktar minn 150 ktieb. Għalhekk il-bord editorjali beda jippubbilka kitbiet fuq argument wieħed biss għal kull numru li kien jiġi stampat b’żewġ qoxriet differenti: waħda bl-isem Reliġjon u Ħajja u l-oħra bl-isem Il-Ħabbar ta’ Sant’Antnin. Il-Ħabbar dam joħroġ għal sentejn oħra (1966-68) b’din il-libsa l-ġdida, imma ftit wara kellu jieqaf minħabba problemi finanzjari. L-aħħar darba li deher kien f’Diċembru 1968.
Wara kważi 32 sena, fis-sena 2000 Il-Ħabbar ta’ Sant’Antnin reġa’ beda joħroġ b’libsa moderna, li tixraq liż-żminijiet li qegħdin fihom u b’artikli li jinteressaw lil kulħadd. Aħna, permezz tar-rivista tagħna, nixtiequ nissieħbu mad-devoti ta’ Sant’Antnin madwar id-dinja biex permezz ta’ qari siewi nitgħallmu, nikbru u niddevertu.
    
* * * * * * *
Id-Diretturi tar-Rivista "Il-Habbar ta’ Sant’Antnin" mill-bidu sa zmienna

1911-1917 - P. Wig Tonna Barthet
1917-1925 - P. Anton Buhagiar
1926-1929 - P. Pawl Bezzina
1929-1932 - P. Gorg Grima
1932-1934 - P. Bernardin Attard
1935 - Grupp ta’ patrijiet
1936-1940 - P. Bonaventura Fiorini
1940-1946 - ma harigx minhabba l-gwerra
1946-1947 - P. Bonaventura Fiorini
1947-1948 - P. Ilarju Dimech
1948-1950 - P. Tarcisju Chetcuti

1950-1960 - P. Bonaventura Fiorini
1960 (Jannar-April) - P. Alfons Sammut
1960-1962 - P. Frangisk Muscat
1962-1964 - P. Mikiel Bezzina
1964-1966 - P. Dumink Bonello

Edizzjoni Reliġjon u Ħajja
1967 (Jannar-Novembru) - P. Alessandru Bonnici
1967-1968 - P. Elija Vella

Edizzjoni Ġdida
2000-2001 - Manwel D Schembri
2001-2020 - P. Edmund Teuma
2021-2023 - P. Paul Darmanin
2024-illum - Michael Caruana
ĊAK, Triq S. Sommier, Birkirkara BKR4611 - MALTA
Tel: +356 21 498 343 - info@habbar.cakmalta.org

© ĊAK Ltd. Franġiskani Konventwali, Malta 2024
Back to content