Ambjent - Il-Habbar ta' Sant'Antnin

Go to content

Ambjent
Iż-żmien inessi?
Għaliex dejjem irridu niġu daharna mal-ħajt biex forsi nitgħallmu?

Din is-sena jaħbat l-għoxrin anniversarju mit-twaqqif tal-Kummissjoni Interdjoċesana Ambjent u għalhekk xtaqt nagħti ħarsa ħafifa lejn xi ftit mill-kwistjonijiet ambjentali li tkellmet dwarhom matul dawn l-aħħar snin. Dan mhux qed nagħmlu għax xprunat minn xi nostalġija partikolari, imma għax inħoss li, matul is-snin, il-Kummissjoni wriet li kellha verament għal qalbha l-ġid komuni u li ma beżgħetx titkellem ċar mingħajr ma tiċċappas b’ebda kulur partiġjan.

B’il fuq minn mitt stqarrija u opinjoni, il-Kummissjoni kienet leħen għal min m’għandux u ħadmet biex tinforma liċ-ċittadini fuq kwistjonijiet kurrenti biex dawn ikunu jistgħu jieħdu deċiżjonijiet infurmati.

Dan ma jfissirx li t-triq li qabdet il-Kummissjoni ma kinitx waħda mqallba. Kien hemm ħafna, kemm minn ġewwa u kemm minn barra l-Knisja, li ppreferew li l-Kummissjoni ma taqlax ħama u li toqgħod tehda tħawwel is-siġar ’l hinn u ’l hawn u torganizza l-clean ups. Kien hemm min kien tal-opinjoni li dawn huma materji li l-Knisja m’għandhiex tidħol fihom.

Madanakollu, iż-żmien, jew aħjar, il-Papa Franġisku bl-Enċiklika tiegħu Laudato Sì (tnax-il sena wara), taha raġun. In-Nisrani veru ma jistax jibqa’ gallarija quddiem l-isfreġju tad-dar komuni li Alla l-Missier tana b’rigal biex jitgawda minn kulħadd.

Ħafna drabi l-ġid komuni kellu, matul is-snin, ibaxxi rasu għall-interessi ta’ individwi jew organizzazzjonijiet li kienu jafu minn fejn jgħaddu biex ikollhom aċċess privileġġjat għall-widnejn ta’ min jieħu d-deċiżjonijiet inkella ta’ min kapaċi jagħlaq għajn waħda. Imma jidher li aktar ma għadda ż-żmien, aktar iċ-ċittadini rrealizzaw ir-rabta bejn il-kwalità tajba tal-ambjent u l-benesseri tagħhom u qegħdin isemmgħu leħinhom kull meta jkun hemm xi (hekk imsejjaħ) żvilupp li jhedded il-kwalità tal-ħajja.

Strateġija li tintuża biex tmewwet dawn l-ilħna hi dik li tistenna li ż-żmien inessi u l-protesti jikkalmaw u jisktu. Pereżempju, x’sar mill-Masterplan ta’ Paceville? U mill-wegħdiet li l-ġawhra Kemmuna tkun imħarsa mill-interessi ta’ min irid jistupraha?

Illum jew għada, l-impatt negattiv ta’ deċiżjonijiet, li mhumiex sostenibbli, se jinħass żgur. Imma, sadattant, bħal donnu ħadd ma jqis lil min ikun bata, frott dawn id-deċiżjonijiet, jew il-kwantità ta’ opportunitajiet li jkunu ntilfu minħabba fihom. Nistaqsu wkoll: kellna għalfejn nistennew 22 sena biex tingħalaq il-kwistjoni tal-Ħondoq? Min bata minn dan id-dewmien? L-interessi ta’ min kienu qegħdin jitħarsu ’l fuq mill-ġid komuni? U meta wieħed iqis l-arroganza ta’ ċerti individwi li jaġixxu qisu ma jista’ għalihom ħadd, wieħed malajr jintebaħ li ma tgħallimna xejn.

F’attentat biex twaqqaf il-mewġa ta’ bini bl-addoċċ, li llum saret tsunami, il-Kummissjoni, fl-2013, talbet għal moratorju fuq il-bini u għal studju imparzjali dwar jekk tassew hemmx ħtieġa għall-bini li tiela’. Dawn iż-żewġ suġġerimenti ma ngħatawx widen għax qalulna li l-kostruzzjoni hi pilastru qawwi fl-ekonomija lokali li ma jistax jintmess u li pajjiżna jiflaħ jibqa’ għaddej bir-rata ta’ kostruzzjoni li għaddej biha għal madwar mitt sena oħra! U llum l-ekonomisti qegħdin jaqblu ma’ dak li qalet il-Kummissjoni u qegħdin ibassru li l-bużżieqa, li qatt ma kellha tinfaqa’, issa diġà bdiet turi sinjali li qegħda tiżżarrat.

Idolu ieħor li l-Kummissjoni tkellmet dwaru fl-2006, li kellu bżonn ikun ikkontrollat biex irendi żvilupp li jkun sostentibbli, kien it-turiżmu. Issa anke l-Assoċjazzjoni Maltija għal-Lukandi u r-Ristoranti (MHRA) qegħda tirrikonoxxi l-bżonn ta’ turiżmu sostenibbli. Kellhom jgħaddu tmintax-il sena biex nibdew serjament (forsi) naħsbu biex ninvestu fil-kwalità mhux fil-kwantità?

Fl-2005, il-Kummissjoni ssuġġeriet li, biex jingħata widen għal-leħen taċ-ċittadin, f’każ ta’ proġetti kbar ta’ żvilupp, għandu jitwaqqaf Bord Regolatorju magħmul minn rappreżentanti tal-partijiet interessati, inklużi membri tal-komunità, li jista’ jwaqqaf il-proġett jekk jinqabżu l-parametri stabbiliti. M’hemmx għalfejn ngħidu li l-ebda amministrazzjoni ma kellha l-kuraġġ tagħti daqshekk saħħa liċ-ċittadin – minkejja r-retorika kollha ta’ “nagħtu widen u nikkonsultaw” użata bl-addoċċ miż-żewġ naħat tal-Parlament.

Quddiem il-ħtieġa li nagħtu prijorità lis-sostenibbiltà fl-iżvilupp ta’ pajjiżna u d-direzzjoni li qegħda tieħu d-dinja, il-Kummissjoni ttenni mistoqsija li għamlet fl-2011: X’qed iżomm milli l-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali (MCESD) jestendi l-mandat tiegħu għal dak ta’ Kunsill Malti għall-Iżvilupp Sostenibbli (MCSD) u jinkludi l-interessi ambjentali b’mod formali fl-aġenda tiegħu? Jista’ jkun li għad hemm min għadu jħaddan viżjoni skaduta li l-konsiderazzjonijiet ambjentali m’għandhomx jinfluwenzaw jew jirregolaw it-tkabbir ekonomiku?

Il-ġenn tal-bniedem biex jisfrutta kemm jiflaħ il-ġid ta’ madwaru għall-gwadann personali u immedjat mingħajr kunsiderazzjoni għall-futur u l-benesseri ta’ dawk li għad iridu jiġu, qed jinfirex mad-dinja kollha. Kien dan li wassal lill-Papa biex jikteb il-Laudato Sì u jixpruna moviment globali ta’ konverżjoni ekoloġika.

Il-Papa jistieden lil kulħadd – b’mod speċjali l-klassi politika – biex nieħdu ħsieb din id-dar komuni tagħna u niżguraw ġejjieni aħjar għalina u għall-ġenerazzjonijiet futuri. L-għażla hi jekk inħallux l-affarijiet mgħawġin jindraw jew inkunux kuraġġużi u nbiddlu l-istil ta’ kif noperaw. Biex dan ikun żgurat, il-Kummissjoni ilha mill-2019 tissuġġerixxi t-twaqqif ta’ kumitat parlamentari magħmul minn rappreżentanti taż-żewġ naħat tal-Parlament biex jiddeċiedi fuq strateġija nazzjonali dwar l-ambjent, is-saħħa u l-edukazzjoni.

Wieħed ma jistax ma jimmaġinax kemm pajjiżna kien ikun aħjar kieku ngħata widen għal dak li tennew matul iż-żmien il-Kummissjoni, persuni u għaqdiet li għandhom għal qalbhom il-ġid veru ta’ pajjiżna. Għaliex dejjem irridu ningidmu u niġu daharna mal-ħajt biex, FORSI, nitgħallmu?


Paul Pace
0
reviews
ĊAK, Triq S. Sommier, Birkirkara BKR4611 - MALTA
Tel: +356 21 498 343 - info@habbar.cakmalta.org

© ĊAK Ltd. Franġiskani Konventwali, Malta 2024
Back to content