Ambjent
Kif nista’ nittraskura l-kura ta’ darna?
Għandna responsabbiltà li ninsew l-interessi personali u naħdmu biex immexxu ’l quddiem lil pajjiżna
Fl-Enċiklika tiegħu Laudato Sì, il-Papa Franġisku jsejjaħ lil San Franġisk t’Assisi bħala “l-mudell per eċċellenza ta’ kif għandna nieħdu ħsieb tad-dgħajjef u kif ngħixu l-ekoloġija integrali b’mod awtentiku.” Dan għax għex l-Evanġelju b’mod radikali, bl-għażla tal-faqar, l-imħabba għall-emarġinati, il-promozzjoni tal-paċi u l-mħabba lejn il-ħolqien kollu.
Il-Papa Benedittu XVI isostni li n-Nisrani ma jistax jibqa’ sieket u ma jaħdimx biex jagħti kas tar-responsabbiltà li għandu li jindokra l-ħolqien li Alla fdalu f’idejh. Fi żmien meta d-dinja qiegħda tiffaċċja sfidi kbar relatati mal-ambjent, il-ħtieġa li ngħixu din il-vokazzjoni tagħna hi waħda urġenti u aspett ċentrali tal-esperjenza Nisranija. Il-Papa Benedittu jara f’dan il-qawmien ekoloġiku fi ħdan il-Knisja mezz tanġibbli kif in-Nisrani jista’ juri bil-fatti mħabbtu lejn il-batut, il-marid, il-fqir u lejn il-ġenerazzjonijiet ta’ għada.
Spiss nisimgħu bit-terminu Żvilupp Sostenibbli. Terminu li, sfortunatament, hu wżat u abbużat minn ħafna. F’termini sempliċi, żvilupp sostenibbli hu żvilupp li jiżgura li jkun hemm biżżejjed, għal kulħadd għal dejjem. Dan hu l-pjan li Alla kellu sa mill-bidu meta ħalaq id-dar komuni tagħna bir-riżorsi kollha li għandha. Għammarha b’kull ġid biex ngħixu fiha aħna lkoll, bħal aħwa f’familja waħda ta’ Missier wieħed.
Il-Bibbja toffri perspettiva bilanċjata dwar il-ġid, tirrikonoxxi li jista’ jkun barka mingħand Alla, iżda twissi kontra l-perikli tar-regħba u l-materjaliżmu. Tgħallem li, filwaqt li l-ġid fih innifsu mhuwiex ħażin, l-imħabba għall-flus tista’ twassal biex jieħu post Alla u l-pjani kollha tiegħu.
L-Insara huma mħeġġa jkunu ġenerużi, jużaw il-ġid b’mod etiku u jpoġġu l-ġid komuni bħala prijorità. Għalhekk il-ġid hu wkoll test ta’ fedeltà lejn dak li nemmnu fih: li nkunu amministraturi responsabbli tal-ħolqien immexxija minn prinċipji ta’ ġustizzja, karità u mħabba. B’hekk l-użu tar-riżorsi m’għandux isir b’mod egoistiku jew sfruttattiv, iżda b’kunsiderazzjoni għall-ġid komuni u għall-ġenerazzjonijiet futuri.
Madankollu, ħarsa lejn dak li qed isir fid-dinja juri li l-umanità m’għaddietx minn dan it-test. Is-soċjetà moderna għamlet għażliet ekonomiċi u politiċi mibnija fuq mudelli ta’ konsum u produzzjoni bla rażan li jagħtu prijorità lill-profitt fuq il-ġid komuni. Il-kultura tal-konsum li ngħixu fiha qegħda tikkawża ħsara kbira lill-ambjent u lill-benesseri ta’ ħafna nies. Id-dinja għandha l-limiti tagħha u l-konsum eċċessiv qed iwassal għal tniġġis, telf ta’ bijodiversità, bidla fil-klima u miżerji fuq komunitajiet vulnerabbli.
Din is-sitwazzjoni tnissel fil-qlub sens ta’ inċertezza u nuqqas ta’ sigurtà li, skont il-Papa Ġwanni Pawlu II, iwasslu għall-egoiżmu kollettiv, in-nuqqas ta’ rispett lejn l-oħrajn u għad-diżonestà. Għalhekk, kulħadd jibda jaħdem għall-gwadann tiegħu stess, akkost ta’ kollox, u s-sens ta’ komunità – ta’ familja waħda – jitnawwar minn ġewwa. L-aħħar tliet Papiet sostnew li l-kriżijiet ambjentali, il-konflitti reġjonali u l-inġustizzji kontinwi fost il-popli u n-nazzjonijiet ġejjin minn kriżi ta’ valuri. Minn kriżi morali.
Bħala soluzzjoni l-Papa Franġisku jħeġġiġna nadottaw ekonomija li tpoġġi l-persuni u l-pjaneta qabel il-profitt u li tfittex il-ġustizzja soċjali u ambjentali. Dan jitlob bidla fundamentali fil-mentalità u fil-mod kif ngħixu ħajjitna. Bidla li tiġi biss b’laqgħa intima ma’ Kristu. Il-Laudato Sì għalhekk tenfasizza l-bżonn ta’ konverżjoni ekoloġika li tibda mill-qalb tal-bniedem u twassal għal ħajja li tagħti prijorità lill-valuri tas-sostenibbiltà u tas-solidarjetà.
Din il-konverżjoni twassalna nirriflettu fuq l-istil tal-ħajja tagħna, tiftħilna qalbna għall-Ispirtu ta’ Alla u tagħtina s-saħħa nagħmlu bidliet biex innaqqsu l-impatt tagħna fuq din id-dar komuni. L-appell tal-Papa għal ħajja sostenibbli jistedinna nieħdu deċiżjonijiet iktar konxji dwar l-użu tat-trasport pubbliku jew mezzi alternattivi, l-enerġija, l-ilma u r-riżorsi naturali. Dan jinkludi wkoll l-għażliet tagħna ta’ konsum, bħal x’nixtru, kif nevitaw l-iskart, l-użu ta’ materjali li jistgħu jiġu riċiklati u l-għażla ta’ prodotti li jiġu minn sorsi etiċi u sostenibbli.
Bidla lejn ħajja sostenibbli mhijiex responsabbiltà tal-mexxejja tal-gvernijiet biss, iżda hi responsabbiltà ta’ kull individwu. Kull persuna għandha tagħmel l-almu tagħha biex tikkontribwixxi b’mod attiv ħalli titjieb il-kwalità tal-ambjent tagħna u biex inkunu ta’ eżempju ta’ kif ngħixu b’rispett u mħabba lejn il-ħolqien kollu. Madanakollu, din il-konverżjoni m’għandhiex tibqa’ biss fuq livell personali.
Għalhekk, fl-2021, il-Papa Franġisku nieda l-Pjattaforma ta’ Azzjoni Laudato Sì li se toħloq moviment globali ġdid li jwassal għal dinja aktar inklussiva, fraterna, paċifika u sostenibbli. Il-pjan hu li, kull sena, aktar individwi jissieħbu f’dan il-moviment sakemm tinħoloq il-massa kritika meħtieġa biex tinkiseb bidla reali fid-dinja. Is-soċjologi jgħidulna li din il-massa kritika tista’ tintlaħaq bi 3.5 fil-mija ta’ grupp, kif fil-fatt ġara bil-movimenti li bdew Mahatma Gandhi, Martin Luther King u Nelson Mandela.
L-aħħar ċifri mir-rapport annwali 2022-2023 tal-Pjattaforma juru tkabbir u impatt sinifikanti. Hu stmat li, aktar minn 8,000 istituzzjoni u familja minn madwar 144 pajjiż, irreġistraw fil-Pjattaforma. Ekwivalenti għal madwar 17-il miljun persuna.
Meta tikkonsidra li, fuq din il-Pjattaforma, hemm biss tliet entitajiet Maltin, wieħed ma jistax ma jistaqsix x’qed iżomm lill-komunitajiet Insara f’pajjiżna biex iwieġbu għas-sejħa tal-Papa? Tgħid għad hawn min m’għarafx dak li l-Papa jisħaq fil-Laudato Sì: li l-kura tal-ħolqien hi responsabbiltà morali u parti mhux sekondarja mill-fidi tagħna? L-azzjonijiet tagħna fuq l-art, inkluża l-amministrazzjoni ambjentali u l-ġustizzja soċjali, għandhom konsegwenzi spiritwali u jikkontribwixxu għall-pjan divin ta’ fidwa u t-tiġdid tal-ħolqien.
“Ejja, Spirtu s-Santu, imla l-qlub tal-fidili tiegħek u ħeġġeġ fihom in-nar ta’ mħabbtek. Ibgħat l-Ispirtu tiegħek u huma jinħalqu. U int iġġedded il-wiċċ tal-art.”
Paul Pace
0
reviews