IL-ĦABBAR TA’ SANT’ANTNIN - Settembru-Ottubru 2024
Editorjal
Quddiem il-vjolenza fuq in-nisa
Parti mill-proċess sinodali għat-tiġdid ekkleżjali Knisja Waħda, Vjaġġ Wieħed hi l-konverżazzjoni spiritwali li tagħmel u sservi ta’ opportunità biex il-Knisja tistabbilixxi r-rwol tagħha f’Malta llum.
Knisja Waħda, Vjaġġ Wieħed wara l-aħħar qtil ta’ mara li kienet ilha żmien tiġi mhedda, organizzat sessjoni biex tindirizza t-trawma tal-femiċidju. Din kienet parti mid-diskussjoni spiritwali riċenti anki fid-dawl tal-atti orribbli li bosta nisa qed jaffaċċjaw kuljum.
Lil hinn minn kwistjonijiet politiċi u kulturali, il-femiċidju jġib miegħu ħafna wġigħ, theddid u tkissir. Neħtieġu saħħa psikoloġika u spiritwali biex nipproteġu lilna nfusna mill-effetti sottili, imma estensivi, tiegħu filwaqt li nagħrfu l-ħsara li qed ssir.
Michael Caruana
Sant’Antnin ta’ Padova
It-tliet festi u l-ilbies tagħhom
Sant’Antnin josserva li l-miġja ta’ Ġesù fostna hi spiss imxebbha ma’ festa ta’ tieġ. Infatti jgħid: “Is-Saltna tas-Smewwiet tixbah lil wieħed sultan li għamel festa ta’ tieġ għal ibnu u s-sala mtliet bil-mistednin. Mela jidħol is-sultan biex jara min kien hemm u lemaħ wieħed li ma kienx liebes għall-festa tat-tieġ” (Mt 22, 2.11).
Il-Qaddis, jikkummenta dwar din il-festa u jgħid li fir-realtà nsibu tliet festi tat-tieġ: Hemm dik tal-Inkarnazzjoni (tat-twelid ta’ Ġesù). Hemm dik tal-Penitenza, mifhuma bħala “il-konverżjoni” u “l-bidla tal-qalb”. It-tielet festa hi dik tal-Glorja tas-Sema. Għal dawn it-tliet festi kull wieħed u waħda minna mistiedna.
Anthony Borg
Storja b’tagħlima
Id-djamant maqsum
Darba kien hemm sultan li kien jaħkem fuq saltna żgħira. Din is-saltna ma kellha xejn speċjali għax la kienet kbira bħala art u lanqas kellha riżorsi. Iżda r-re kellu djamant mill-isbaħ li kien ilu jappartjeni lill-familja rjali għal ġenerazzjonijiet sħaħ.
Dan id-djamant kien tassew perfett. Is-sultan kien iħallih fejn kienu jistgħu jarawh is-sudditi tiegħu u dawn ma naqsux li jiġu mit-trufijiet kollha tas-saltna ħalli jammirawh. Il-fama ta’ dan id-djamant ġriet tant li bdew ġejjin jarawh nies minn pajjiżi lil hinn mis-saltna wkoll.
Għalhekk is-sudditi bdew iqisu dan id-djamant bħallikieku kien tagħhom. Kien għamilhom kburin, tahom dinjità u valur li ma kellhomx. Ġara li jum minnhom ġie suldat jiġri għand is-sultan bl-aħbar ħażina li, mingħajr ħadd ma messu, għax kien mgħasses sew, id-djamant kien ixxaqqaq.
Josephine Bonello
Ambjent
Kif nista’ nittraskura
l-kura ta’ darna?
Fl-Enċiklika tiegħu Laudato Sì, il-Papa Franġisku jsejjaħ lil San Franġisk t’Assisi bħala “l-mudell per eċċellenza ta’ kif għandna nieħdu ħsieb tad-dgħajjef u kif ngħixu l-ekoloġija integrali b’mod awtentiku.” Dan għax għex l-Evanġelju b’mod radikali, bl-għażla tal-faqar, l-imħabba għall-emarġinati, il-promozzjoni tal-paċi u l-mħabba lejn il-ħolqien kollu.
Il-Papa Benedittu XVI isostni li n-Nisrani ma jistax jibqa’ sieket u ma jaħdimx biex jagħti kas tar-responsabbiltà li għandu li jindokra l-ħolqien li Alla fdalu f’idejh. Fi żmien meta d-dinja qiegħda tiffaċċja sfidi kbar relatati mal-ambjent, il-ħtieġa li ngħixu din il-vokazzjoni tagħna hi waħda urġenti u aspett ċentrali tal-esperjenza Nisranija. Il-Papa Benedittu jara f’dan il-qawmien ekoloġiku fi ħdan il-Knisja mezz tanġibbli kif in-Nisrani jista’ juri bil-fatti mħabbtu lejn il-batut, il-marid, il-fqir u lejn il-ġenerazzjonijiet ta’ għada.
Paul Pace