Jekk trid taċċedi għal artikli oħra IRREGISTRA HAWN
Editorjal
Sfida kbira quddiem il-Knisja
Tard f’Novembru li għadda ltaqgħet fiċ-Ċentru Animazzjoni u Komunikazzjoni tal-Patrijiet Franġiskani Konventwali f’Birkirkara l-Assemblea Djoċesana li kompliet tiddiskuti l-proċess ta’ tiġdid li għaddejja minnu l-Knisja f’Malta. Fil-bidu tal-ewwel ġurnata tal-Assemblea l-Isqof Awżiljarju Joseph Galea Curmi, li qed imexxi l-Kummissjoni mwaqqfa mill-Arċisqof biex tieħu ħsieb it-twettiq tal-proċess, ta rendikont ta’ dak li sar matul is-sena li għaddiet.
Hu fakkar fl-għeruq tal-Assemblea Djoċesana li bdiet tiġi organizzata fl-2004 wara li ntemm is-Sinodu Djoċesan f’Malta bl-iskop li titkompla l-esperjenza ta’ sinodalità li għexna fis-Sinodu Djoċesan 1999-2003. Hu ta’ sodisfazzjon għalina li dak li aħna għexna aktar minn għoxrin sena ilu l-Papa Franġisku qed jipproponih għall-Knisja universali bl-istess metodu li mxejna miegħu dak iż-żmien.
Hawnhekk hu fakkar f’żewġ punti prinċipali li kienu essenzjali għas-Sinodu f’Malta: id-dixxerniment li jfisser li l-protagonista hu l-Ispirtu ta’ Alla li rridu nkunu l-ħin kollha miftuħa għalih u t-tieni li kulħadd hu mistieden ikun parti minn din il-mixja flimkien. Żewġ punti essenzjali ta’ dak li l-Papa jenfasizza llum fil-mixja sinodali tal-Knisja universali. L-esperjenza tagħna fil-proċess ekkleżjali hi għalhekk waħda li tgħaqqadna bis-sħiħ ma’ dak li l-Papa nieda.
Il-Knisja f’Malta ddeċidiet li b’rabta mal-żortazzjoni Appostolika Evangelii Gaudium tieħu erba’ aspetti prinċipali: Knisja li tisma’, Knisja li tilqa’, Knisja li takkumpanja u Knisja li toħroġ f’missjoni. Filwaqt li żżomm b’mod ċar ir-rabta intrinsika bejn l-erba’ aspetti, il-Knisja kull sena ffukat aktar fuq aspett minnhom. Dan għen ħafna biex il-Knisja tinżel aktar fil-fond. Kien għalhekk li fit-tliet snin li għaddew iffukat fuq Knisja li tisma’, Knisja li tilqa’ u fuq Knisja li takkumpanja. L-esperjenzi kienu sbieħ u b’parteċipazzjoni. Din is-sena qed tiffoka dwar l-aħħar fażi tat-tiġdid: Knisja li toħroġ.
Il-ħsieb hu li tgħin biex l-oqsma differenti tagħha matul din is-sena jkollhom inizjattivi kreattivi u siewja li jkunu frott ta’ dixxerniment. Dejjem hi sfida
kbira għax trid tgħaqqad flimkien il-kreattività mal-unità, malarmonija, fid-direzzjoni u fil-ħidma. Importanti ħafna l-parteċipazzjoni. Iktar ma jipparteċipaw nies f’dan il-proċess, iktar ikollna Knisja ħajja li tagħraf il-missjoni tagħha u taqdiha b’ħeġġa u b’ġenerożità.
Michael Caruana
0
reviews
Jekk trid taċċedi għal artikli oħra IRREGISTRA HAWN