Jekk trid taċċedi għal artikli oħra IRREGISTRA HAWN
Editorjal
Sehem in-Nisrani fil-politika
Is-Sibt, 8 ta’ Ġunju, aħna msejħa neleġġu sitt Membri Parlamentari Ewropej u l-Gvernijiet Lokali tagħna. B’kollox iridu jiġu eletti 476 kunsillier biex jiffurmaw it-68 Gvern Lokali f’Malta u f’Għawdex.
Fit-30 sena ta’ Gvern Lokali u fl-20 sena ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea saru diversi żviluppi u llum tinħass il-ħtieġa ta’ viżjoni li tħares lejn l-isfidi preżenti u dawk futuri. Fost dawn insibu li t-tessut tal-komunitajiet lokali qed jinbidel bl-influss ta’ barranin; l-aspettattivi tagħna dejjem qegħdin jiżdiedu; u r-rappreżentanti tagħna fil-Gvernijiet Lokali u fil-Parlament Ewropew għandhom jagħtu importanza akbar biex ikollna komunitajiet ħajjin.
Fuq kollox, is-sostenibbiltà ta’ proġetti u inizjattivi li jittieħdu għandha tkun prijorità li rridu nindirizzaw biex tassew ikollna Gvern Lokali li jaħdem u biex ir-residenti jħossuhom komdi u siguri. Danakollu jfisser li l-Gvernijiet Lokali u l-Membri Parlamentari Ewropej li se jkollna wara t-8 ta’ Ġunju, filwaqt li jkomplu jsaħħu t-tajjeb li twettaq fis-snin li għaddew, iridu jixprunaw pjan ta’ ħidma b’direzzjoni ċara għal kisbiet ġodda.
Is-sitt Parlamentari Ewropej iridu jżommu quddiem għajnejhom ukoll li, kull deċiżjoni li jieħdu, għandha effett li jaf ikun kruċjali fuq pajjiżna, fuqna, ċittadini Maltin u Ewropej.
Iżda, biex dan isir, irid ikun hemm l-impenn ta’ kull wieħed u waħda minna. L-ispirtu lokali u nazzjonali u tant ieħor dak Nisrani. Nisimgħu min jgħid li Nisrani tajjeb ma tinteressax il-politika. Dan mhux veru. Nisrani tajjeb jiddeffes fil-politika u joffri l-aħjar tiegħu. Li n-Nisrani jkun impenjat fil-politika mhix xi ħaġa li qegħdin ngħiduha aħna llum. Qalu dan Papiet u Isqfijiet preċedenti u li komplew isaħħuh il-Papa Franġisku u l-Arċisqof Charles J. Scicluna f’kitbiet u diskorsi tagħhom.
NOĦORĠU NIVVUTAW
Il-Papa Franġisku jħeġġeġ lin-Nisrani tajjeb biex jieħu sehem attiv fil-ħajja politika. Dan aħna nistgħu nagħmluh billi, fit-8 ta’ Ġunju, noħorġu nivvutaw; billi ma niddejqu xejn nesprimu l-ħsibijiet, l-opinjoni, tagħna dwar ġrajjiet kurrenti, suġġetti politiċi u dwar dak li hemm bżonn isir; u billi naħdmu f’xi partit politiku fejn allura nafu nkunu strumentali fit-tfassil ta’ politika aħjar.
Iħeġġeġ, imbagħad, lil dawk li diġà qegħdin fil-politika biex iħobbu lill-poplu tagħhom u jaqduh b’umiltà. Dawn huma żewġ virtujiet ta’ politiku Nisrani tajjeb kemm fuq bażi lokali, nazzjonali u globali.
Għaldaqstant, kull politiku Nisrani qabel jassumi responsabbiltà għandu jistaqsi lilu nnifsu: “jien inħobb lill-poplu tiegħi biex inservih aħjar? Jien umli biex nisma’ l-opinjonijiet tal-oħrajn ħalli nkun nista’ nagħżel l-aħjar triq”? Jekk Nisrani ma jagħmilx dawn il-mistoqsijiet lilu nnifsu, allura, jgħid il-Papa Franġisku, dan ma jistax imexxi tajjeb darba jkun elett.
Hi x’inhi l-għażla tagħna ħadd minna ma jista’ jgħid li m’għandux x’jaqsam. Li ma jimpurtahx għax mhux hu, mhux il-partit tiegħu, qed jiggverna l-lokalità, in-nazzjon, tiegħu. Bħala Nsara rridu nagħmlu l-almu tagħna biex, dawk li qegħdin jirrappreżentawna fil-Gvern Lokali, fil-Parlament u fil-Parlament Ewropew imexxu sew.
Il-politika, issemmi d-Duttrina Soċjali tal-Knisja, hi waħda mill-ogħla forom ta’ karità għax isservi lill-ġid komuni. U jien, int, aħna ma nistgħux naħslu idejna. Kull wieħed u waħda minna rridu nagħmlu xi ħaġa. Sfortunatament, meta nitkellmu dwar tmexxija ta’ Gvern Lokali u Ċentrali jew dwar ir-rappreżentanti tagħna fil-Parlament Ewropew irridu biss inparlaw kontra l-affarijiet li jmorru jew isiru ħażin u ngħidu kontrihom. Diffiċli nosservaw is-sewwa, it-tajjeb.
Ejjew nipparteċipaw għall-ġid komuni. Ejjew ukoll nitolbu għall-politiċi tagħna biex iħobbu lill-poplu tagħhom, biex ikunu umli, biex imexxu tajjeb, biex iwasslu lil-lokalità tagħna, lin-nazzjon tagħna, ’il quddiem u biex ikun hawn il-paċi u l-ġid komuni.
Michael Caruana
0
reviews
Jekk trid taċċedi għal artikli oħra IRREGISTRA HAWN