Jekk trid taċċedi għal artikli oħra IRREGISTRA HAWN
Editorjal
Tagħlim, ispirazzjoni u motivazzjoni
Dan l-aħħar id-Dar tal-Pubblikazzjonijiet Reliġjon u Ħajja tal-Franġiskani Konventwali ppubblikat bil-Malti fi ktieb it-taħdita li Don Luigi M aria E picoco ta fil-ftuħ tal-Kapitlu Provinċjali Ordinarju tal-Franġiskani Konventwali Maltin. Fl-artiklu tiegħu fil-paġna Pubblikazzjonijiet tal-ħarġa M ejju-Ġunju ta’ din ir-rivista,
Patri Paul Darmanin kiteb li “fl-opinjoni tiegħi dan il-ktejjeb, għalkemm jittratta t-tiġdid u l-ispiritwlità tal-ħajja reliġjuża, mhuwiex ktieb għar-reliġjużi biss. Hu riflessjoni biex kulħadd ikun jista’ jsib fiha tagħlim, ispirazzjoni u motivazzjoni għal ħajja ta’ fidi aktar awtentika.”
U hekk hu. Għax ħafna minn dak li Don Epicoco qal lill-Franġiskani Konventwali dwar it-tiġdid meħtieġ f’ħajjitna qalu wkoll għalik u għalija. Għalik li int miżżewweġ u qed trabbi jew rabbejt familja. Għalik li ma żżewwigtx u ma rabbejtx familja. Għalik pensjonant, ħaddiem tal-id jew tal-pinna. G ħalik omm li
trid toħroġ minn darek kuljum biex tmur taħdem jew li ddeċidejt li tibqa’ d-dar. Għalikom nanniet. Insomma hemm ħsibijiet għal kulħadd. Int x’int. Int min int. Imbasta trid tgħix ħajja ta’ Nisrani u tixtieq bis-serjetà tapprofondixxi t-tagħlim Nisrani tiegħek u tgħix ħajja aħjar. Ħajja aktar qrib ta’ ħaddieħor. Ħajja
f’komunjoni akbar u, fuq kollox, ħajja aktar qrib ta’ Alla l-Missier.
Don Epicoco jgħidilna biex ma nibżgħux mill-problemi u mill-kriżijiet. Biex qatt ma nipparagunaw l-antik mal-ġdid għax inkella noħolqu żewġ partiti. Li rridu nduru lura lejn dak li jgħaqqadna. Induru lejn dak li minnu beda kollox. Lejn il-ħwejjeġ li jistgħu jsalvaw il-kariżma u l-affarijiet tagħna.
Jitlobna nżommu għajnejna miftuħin fuq il-preżent. Inħallu r-realtà li qed ngħixu tinterrogana. Ejjew “ma nkunux sempliċiment preżenti fid-dinja, imma għandna nintebħu b’dak li d-dinja qed tgħidilna.”
Ejjew “ma naħsbux li għax hemm reliġjożità kbira hemm fidi kbira. Jista’ jkun li reliġjożità kbira tkun qed tgħatti diviżjoni kbira wkoll. Irid ikollna dixxerniment biex nifhmu u naraw liema hi t-triq it-tajba.” It-triq it-tajba hi li nħossu mal-Knisja u mhux li nħossuna mifrudin minnha. Jitlobna wkoll
nikkultivaw stil ta’ għanqud fil-komunjoni ta’ bejnietna. Nifhmu biss ir-rieda ta’ Alla jekk nisimgħu l-Kelma tiegħu flimkien u mhux mifrudin. Jekk wieħed jisma’ r-rieda ta’ Alla għalih waħdu jista’ jkun li jikkonvinċi ruħu minn affarijiet sbieħ, imma jkunu affarijiet tiegħu waħdu. Ejjew “nerġgħu nibdew inħossu mal-Knisja biex ngħixu f’komunjoni magħha.” Il-komunjoni, suġġett li qed jittratta Fra A ntonju fil-paġni tiegħu 22 u 23.
Don Epicoco jgħid li waqafna nirrakkuntaw dak li hu sabiħ. Sirna esperti u ngħidu biss dak li mhux sejjer tajjeb. Tlifna l-ħila li nirrakkuntaw il-qdusija.
Hu jħeġġiġna nerġgħu nibdew nirrakkuntaw l-istejjer pożittivi għax hu dan li jagħtina mill-ġdid il-faraġ u l-kuraġġ. Qegħdin fl-eqqel tal-istaġun tal-festi u aktar moħħna fuq kemm se jkollna baned idoqqu, kemm se jkollna nar u kemm se nżejnu t-toroq tagħna milli x’se jkun għaddej fil-knisja. Kieku kellna noqogħdu nistennew li niltaqgħu ma’ Ġesù biex inkunu nistgħu nħabbruh lill-oħrajn, jgħaddu s-sekli. Ma nistgħux nistennewh jasal biex nibdew il-missjoni tagħna. Ejjew ninfetħu u nimxu dejjem fil-missjoni għax b’dan il-ġest, ’il barra minna, Ġesù jiġi jiltaqa’ magħna.
Michael Caruana
0
reviews
Jekk trid taċċedi għal artikli oħra IRREGISTRA HAWN