Jekk trid taċċedi għal artikli oħra IRREGISTRA HAWN
Editorjal
Quddiem il-vjolenza fuq in-nisa
Parti mill-proċess sinodali għat-tiġdid ekkleżjali Knisja Waħda, Vjaġġ Wieħed hi l-konverżazzjoni spiritwali li tagħmel u sservi ta’ opportunità biex il-Knisja tistabbilixxi r-rwol tagħha f’Malta llum.
Knisja Waħda, Vjaġġ Wieħed wara l-aħħar qtil ta’ mara li kienet ilha żmien tiġi mhedda, organizzat sessjoni biex tindirizza t-trawma tal-femiċidju. Din kienet parti mid-diskussjoni spiritwali riċenti anki fid-dawl tal-atti orribbli li bosta nisa qed jaffaċċjaw kuljum.
Lil hinn minn kwistjonijiet politiċi u kulturali, il-femiċidju jġib miegħu ħafna wġigħ, theddid u tkissir. Neħtieġu saħħa psikoloġika u spiritwali biex nipproteġu lilna nfusna mill-effetti sottili, imma estensivi, tiegħu filwaqt li nagħrfu l-ħsara li qed ssir. Nistgħu ninġabru fit-talb bħala Nsara u nitolbu l-għajta ta’ Ġesù fuq is-salib: “Alla tiegħi, Alla tiegħi, għaliex tlaqtni?” Għajta li ħafna nisa jistgħu jirreletaw magħha llum.
Żgur li ħafna jħossuhom milquta mill-femiċidji, jibżgħu għas-sigurtà tagħhom u/jew ta’ wliedhom u jistennew tasal il-ġurnata meta dan isir xi ħaġa tal-passat. Kemm minn dawn attendew għal din il-konverżazzjoni spiritwali ma nafx. Naf li, l-iskop tagħha ma kienx li jinstabu soluzzjonijiet jew li tissewwa sistema mkissra, iżda li jinħoloq spazju sigur fejn ikunu jistgħu jesprimu d-diqa tagħhom, ikunu ta’ appoġġ għal xulxin u jfittxu t-tifsira f’din il-ħsara kbira.
Naf ukoll li d-diskussjoni kienet miftuħa għal kulmin qed ifittex appoġġ spiritwali biex jittratta l-konsegwenzi tal-ħsara u l-uġigħ morali kkawżati mill-vjolenza fuq in-nisa. Naf żgur li nistgħu naħdmu flimkien biex infejqu u nsibu modi kif nipproteġu lil dawn il-ħafna mill-perikli u l-vjolenza tal-femiċidju.
Fil-perijodu li Knisja Waħda, Vjaġġ Wieħed organizzat din il-konverżazzjoni, l-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi, fl-omelija tiegħu fil-Quddiesa li jiċċelebra fil-kappella tal-Kurja, tkellem dwar l-unjoni bejn raġel u mara fil-ħsieb ta’ Alla u semma li, tul is-snin, inħolqu diversi unjonijiet oħra mill-bnedmin. Bħalma nħolqu wkoll diversi ċirkustanzi fejn xi ħadd itemm l-unjoni maħluqa mill-bnedmin. Hekk sar u jsir fis-soċjetà tul iż-żmien, qal l-Isqof Galea-Curmi. Iżda Alla ried li r-raġel u l-mara li jingħataw lil xulxin b’imħabba għal dejjem, ikunu tassew ħaġa waħda.
Din mhix faċli. Hemm ħafna sfidi. Kien hemm dejjem, iżda llum narawhom aktar. Din hi ħajja li tirrikjedi fedeltà, sagrifiċċju, paċenzja u mħabba fil-ħajja ta’ kuljum. Iżda li qed jgħid Ġesù hu li, bil-għajnuna ta’ Alla, din hi possibbli. Hi possibbli li tnejn jingħataw lil xulxin għal dejjem u jsiru tassew ħaġa waħda. Hi diffiċli għax hemm ukoll ħafna mumenti ta’ diffikultajiet u intoppi li jinqalgħu maż-żmien.
Ilkoll nafu li llum jeżistu diversi ċirkustanzi dolorużi fil-familji fejn tnejn, għal raġuni jew oħra, ma jistgħux jibqgħu flimkien. Is-sejħa tagħna hi li dejjem inkunu, bi kliemna u b’għemilna, ta’ sostenn u ta’ għajnuna lill-familji li għaddejjin minn problemi u mhux ta’ ġudizzju. Dan għax aħna ma nistgħux inkunu nafu tassew l-istorja tal-bniedem. Minn xiex għaddej. Il-ġudizzju nħalluh f’idejn Alla.
Min-naħa tagħna, nippruvaw dejjem ngħinu u nsostnu lil dawk li għaddejjin minn diffikultajiet fil-ħajja taż-żwieġ tagħhom.
Michael Caruana
0
reviews
Jekk trid taċċedi għal artikli oħra IRREGISTRA HAWN