Editorjal - Il-Habbar ta' Sant'Antnin

Go to content
Jekk trid taċċedi għal artikli oħra IRREGISTRA HAWN
Editorjal
Ir-raba’ enċiklika tal-Papa Franġisku
Inġeddu d-devozzjoni lejn il-Qalb ta’ Ġesù fl-era moderna

Il-Papa Franġisku tana r-raba’ enċiklika tiegħu, Dilexit nos (Hu ħabbna) b’sejħa għal għarfien imġedded tad-devozzjoni lejn il-Qalb ta’ Ġesù fl-era moderna u l-ħafna sfidi tagħha.

Enċiklika li tesprimi b’mod profond il-qalb u r-raġuni li tnebbaħ il-ministeru u l-maġisteru kollu tal-Papa Franġisku. Hi ċ-ċavetta biex nifhmu l-Maġisteru ta’ dan il-Papa.

L-enċiklika, li nħarġet meta s-Sinodu tal-Isqfijiet dwar is-Sinodalità kien qorob lejn tmiemu, tenfasizza kemm l-ispiritwalità personali kif ukoll l-impenn missjunarju tal-komunità. F’din l-enċiklika, il-Papa jargumenta li l-ispiritwalità tal-Qalb ta’ Ġesù toffri tweġiba vitali għal dik li hu sejħilha “soċjetà likwida dominata mit-teknoloġija u l-konsumeriżmu”.

Il-Papa qal li “hekk kif qegħdin ngħixu f’epoka ta’ superfiċjalità, ngħaġġlu, imferfxin minn ħaġa għall-oħra, mingħajr ma nafu eżattament għaliex, u nispiċċaw konsumaturi li ma jxebbagħna xejn u lsiera tal-mekkaniżmi ta’ suq li ma jimpurtahx mit-tifsira iktar profonda tal-ħajja tagħna, ilkoll għandna bżonn niskopru mill-ġdid l-importanza tal-qalb”.

Il-Papa Franġisku jiżviluppa l-viżjoni tiegħu f’ħames kapitli. Jiftaħ bi vjaġġ filosofiku u teoloġiku tal-importanza tal-qalb qabel ma jgħaddi għal riflessjonijiet dwar l-azzjonijiet ta’ Kristu u l-kliem tiegħu ta’ mħabba, it-tifsira teoloġika tad-devozzjoni tal-Qalb Imqaddsa, id-dinamika spiritwali tagħha u l-implikazzjonijiet soċjali.

L-enċiklika tħares lejn id-dinja diġitali li turi li l-ħsibijiet u r-rieda tagħna huma ħafna iktar uniformi minn kemm konna naħsbu. Il-Papa jargumenta li s-soluzzjonijiet teknoloġiċi waħidhom ma jistgħux jindirizzaw il-ħtiġiet l-iktar profondi tal-qalb umana.

Hu jenfasizza li t-tifsira tal-kelma qalb ma tistax tiġi spjegata biss mill-bijoloġija, mill-psikoloġija, mill-antropoloġija jew minn xi xjenza oħra. F’daż-żmien ta’ intelliġenza artifiċjali ma nistgħux ninsew li l-poeżija u l-imħabba huma meħtieġa biex isalvaw l-umanità. L-ebda algoritmu qatt mhu se jkun kapaċi jiġbor fih, ngħidu aħna, in-nostalġija li kollha nħossu, hi x’inhi l-età tagħna, u ngħixu fejn ngħixu.

Il-Papa Franġisku jenfasizza li d-devozzjoni tal-Qalb ta’ Ġesù mhijiex sempliċiment prattika privata, imma għandha implikazzjonijiet qawwija fuq il-ħajja soċjali u r-relazzjonijiet umani.

Id-dinja tista’ tinbidel, jekk nibdew mill-qalb, isostni l-Papa, waqt li jorbot il-bidla tal-persuni mat-tiġdid usa’ tas-soċjetà.

L-enċiklika tibni fuq sekli ta’ devozzjoni Kattolika lejn il-Qalb ta’ Ġesù, waqt li toffri punti ġodda għall-isfidi moderni. L-irġiel u n-nisa tat-tielet millennju jeħtieġu l-qalb ta’ Kristu biex isiru jafu lil Alla u lilhom infushom. Għandhom bżonnha biex jibnu ċ-ċiviltà tal-imħabba. Għall-Papa Franġisku hu hawn fejn tidħol il-qalb għax “tisma’, b’mod mhux metaforiku, il-leħen ħiemed tal-essri u tħallih jiddeterminaha”.

Kif il-qalb tista’ “tgħaqqad u tpoġġi f’armonija l-istorja personali tagħna, li tista’ tidher desperatament frammentata, hi l-post fejn kollox jagħmel sens”.
L-enċiklika ssejjaħ għal tiġdid tad-devozzjoni tradizzjonali tal-Qalb ta’ Ġesù waqt li tenfasizza r-rilevanza kontemporanja tagħha.
Il-komunitajiet tagħna jistgħu jgħaqqdu u jirrikonċiljaw flimkien ħsibijiet u ridiet differenti biex l-Ispirtu jmexxina fl-għaqda bħala aħwa. Ir-rikonċiljazzjoni u l-paċi jitwieldu wkoll mill-qalb. Il-qalb ta’ Kristu hi estasi, ftuħ, don u laqgħa.

Il-Papa fl-aħħar jorbot din il-viżjoni spiritwali mal-missjoni usa’ tal-Knisja fid-dinja moderna u jsejjaħ għal dik li – bħal Ġwanni Pawu II – isejħilha “ċiviltà ta’ mħabba” mibnija fuq il-fundament tal-imħabba ta’ Kristu.

Din il-viżjoni torbot direttament mal-enċikliki soċjali preċedenti tal-Papa Franġisku, Laudato si’ u Fratelli tutti u tippreżenta l-imħabba ta’ Kristu bħala l-bażi biex jiġu indirizzati u solvuti l-isfidi kontemporanji.

Nittama li l-Konferenza Episkopali Maltija u d-Dar tal-Pubblikazzjonijiet Reliġjon u Ħajja (RuĦ) tal-Franġiskani Konventwali ma jdumux ma jagħtuna din l-enċiklika sħiħa bil-Malti.

Michael Caruana
0
reviews
Jekk trid taċċedi għal artikli oħra IRREGISTRA HAWN
ĊAK, Triq S. Sommier, Birkirkara BKR4611 - MALTA
Tel: +356 21 498 343 - info@habbar.cakmalta.org

© ĊAK Ltd. Franġiskani Konventwali, Malta 2024
Back to content