Go to content

Editorjal - Il-Habbar ta' Sant'Antnin

Skip menu
Skip menu
Editorjal
Dikjarazzjonijijet li ħaqqhom attenzjoni

Aktar kmieni din is-sena saru żewġ dikjarazzjonijiet: waħda mill-President ta’ Malta Dr Myriam Spiteri Debono u l-oħra mill-Isqof Awżiljarju Joseph Galea Curmi li ftit ingħataw attenzjoni mill-midja lokali. Għax u għaliex mhux din ir-rivista ssemmih. Iżda żgur li kienu żewġ dikjarazzjonijiet li ħaqqhom attenzjoni.

F’intervista fil-programm XTRA li xxandar fuq TVM, in-Nutar Spiteri Debono sostniet li hu inevitabbli li l-abort jidħol f’Malta. L-istess għall-ewtanasja. X’tagħmel il-Presidenza mhijiex xi ħaġa li għandha tiġi diskussa issa, sostniet. L-aktar importanti hu li jkollok, anki fuq l-ewtanasja, diskussjoni profonda.
Il-Presdient ta’ Malta żiedet li waqt li dwar l-abort diġà saret ċerta diskussjoni - u jeħtieġ aktar - mhux l-istess jista’ jingħad għall-ewtanasja li tista’ tfisser ħafna affarijiet, fosthom suwiċidju assistit jew ewtanasja passiva jew attiva.

Ejjew nimxu bil-mod, imma importanti li, fl-aħħar mill-aħħar, ikollna direzzjoni ċara mingħand il-poplu ta’ xi jrid bħala nazzjon. L-importanti li dan ma jidħolx mit-tieqa.

Nemmen li l-għodda għal dan hi referendum u xejn iktar, appellat il-President ta’ Malta.

Xahar wara, l-Isqof Awżiljarju Joseph Galea Curmi appella lill-midja biex tkun ġusta fir-rappurtaġġ tagħha mal-verità u biex ma żżommx lura ċerta diskussjoni b’deċiżjoni. Hu qal dan waqt il-programm Għal Kulħadd fuq ir-radju RTK103. Hu stqarr li, jekk il-midja verament tixtieq li, fil-pajjiż, ikun hawn dibattitu, hi meħtieġa li tkun kommessa twassal il-messaġġ.

Semma li ċerta midja telimina d-diskors favur il-ħajja, liema nuqqas iwassal lill-poplu biex ma jkunx jaf il-verità sħiħa. Ġab l-eżempju d-diskors tal-Arċisqof dwar il-protezzjoni tal-ħajja fl-inawgurazzjoni ta’ St Michael’s Hospice, f’Santa Venera, li ma ġiex irrappurtat f’ċerta midja. Il-Knisja altru li titkellem, iżda l-midja trid tagħmel xogħolha jekk veru trid dibattitu miftuħ, saħaq l-Isqof Awżiljarju.

Hu semma li bosta persuni jargumentaw li Malta tinsab waħedha fil-ġlieda favur il-ħajja. Dan għandu jagħmilna kburin.

L-Isqof Galea Curmi sostna li aktar ma jkollna f’qalbna l-protezzjoni tal-ħajja, aktar naraw sitwazzjonijiet differenti tas-soċjetà u naħdmu għal ħajja isbaħ għal kulħadd. Il-valur tal-ħajja ta’ kull bniedem jinsab mhux biss fil-bidu jew fit-tmiem, iżda wkoll f’kull waqt tagħha. Fi kliem il-Papa Franġisku: “il-kura paljattiva awtentika hi radikalment differenti mill-ewtanasja, li qatt mhi għajn ta’ tama jew attenzjoni ġenwina għal min hu marid u għal min qed imut. Minflok, din hi falliment tal-imħabba, mera ta’ kultura tal-iskart li fiha l-persuna m’għadniex inħossuha bħala valur primarju li għandna nirrispettawh u nieħdu ħsiebu.

Għal kumment minn wieħed mis-semmiegħa li jippreferi li l-qraba ta’ dak li jkun ikollhom l-għażla tal-ewtanasja, l-Isqof Galea Curmi stqarr li, meta wieħed iħares lejha bħala possibbiltà, juri li m’għandux rispett lejn il-ħajja għax, permezz tagħha, ikun qed joqtol bniedem.

Hu ħeġġeġ lill-Insara biex jimlew lil xulxin bit-tama.

Żewġ dikjarazzjonijiet importanti minn tnejn mill-ogħla awtoritajiet f’pajjiżna li baqgħu għaddejjin. Li ma nqabdux mill-midja bħalma nqabdu dikjarazzjonijiet ferm inqas importanti. Dikjarazzjonijiet li ma naħsibx li ntqalu biex ikunu ntqalu!


Michael Caruana
0
reviews
Jekk trid taċċedi għal artikli oħra IRREGISTRA HAWN
ĊAK, Triq S. Sommier, Birkirkara BKR4611 - MALTA
Tel: +356 21 498 343 - info@habbar.cakmalta.org

© ĊAK Ltd. Franġiskani Konventwali, Malta 2025
Back to content