Opinjoni
Id-dritt li toqtol
Il-Knisja tiddefendi d-drittijiet tal-bniedem, il-ħajja f’kull fażi tagħha u d-dinjità umana
Id-dinja tal-Punent qegħda tgħaddi minn fażi ta’ dekadenza hekk kif in-nies tagħha jabbandunaw ir-reliġjon u l-kumpass morali li kien imsaħħaħ mill-għeruq Insara tagħha. Dan jirrifletti ruħu fl-attitudni negattiva lejn il-ħajja umana u t-tnaqqis fir-rata tat-twelid li, f’Malta, issa hi l-aktar baxxa fil-Unjoni Ewropea. Minħabba f’hekk qed isir dejjem aktar ovvju li s-sostenn tal-anzjani jkun ta’ piż finanzjarju.
Din is-sitwazzjoni negattiva forsi tispjega r-raġuni għall-proposta tal-ewtanasja mill-Ministru tas-Saħħa.
Hemm bżonn niftakru li l-legalizzazzjoni tal-ewtanasja jew is-suwiċidju assistit tippermetti persuna toqtol lil oħra. L-ewtanasja tħammeġ u tiddiskredita l-professjoni medika li l-iskop ewlieni tagħha hu li ssalva u tippromwovi l-ħajja.
Jiswa li nfakkru ukoll x’jgħid il-Katekiżmu Kattoliku dwar l-ewtanasja.
Jiddikjara li, li ttemm il-ħajja ta’ persuni b’diżabbiltà, morda jew f’fażi terminali hu moralment inaċċettabbli u, b’mod ċar, jgħid li dan jikkostitwixxi “qtil gravement kuntrarju għad-dinjità tal-bniedem.” Jgħid ukoll li, “li wieħed iwaqqaf trattamenti perikolużi, eċċezzjonali jew sproporzjonati…” jista’ jkun leġittimu.
L-amministrazzjoni ta’ mediċini biex jittaffew it-tbatijiet, anke jekk dan jirriskja li jqassar il-ġranet tal-marid, hi mediċina tajba sakemm ma jkunx hemm l-intenzjoni deliberata li titħaffef il-mewt tal-pazjent.
Il-Knisja ma tqisx it-tbatija bħala xi ħaġa tajba fiha nfisha. It-tbatija evitabbli mhijiex virtù u l-Knisja dejjem kienet pijuniera fil-kura paljattiva li tqis bħala “forma speċjali ta’ karità diżinteressata.”
L-avvanzi fit-trattament u l-immaniġġjar tal-morda f’fażi terminali u b’diżabbiltà serja tjiebu b’mod enormi. Esperti f’dal-qasam jaffermaw li proporzjon żgħir ta’ pazjenti jsofru minn uġigħ li ma jistax jiġi kkurat u, anke f’dawk il-każijiet, hemm mezzi biex jiġu mnaqqsa.
Li niskopru u nistudjaw ir-raġunament tal-Knisja Kattolika kontra l-ewtanasja hu eżerċizzju ta’ ħsieb profond u ta’ tħassib altruwistiku għal dawk vulnerabbli fis-soċjetà.
Hawn Malta, inġibu ruħna bħall-mogħoż u nsegwu xejriet negattivi li jiġru x’imkien ieħor, mingħajr riflessjoni serja. Ma narawx il-konsegwenzi negattivi ta’ liġijiet li jidhru tajbin, iżda li huma żbaljati. Hu każ fejn l-iblah jitgħallem mill-iżbalji tiegħu stess, meta spiss ikun tard wisq biex jiġu kkoreġuti.
Fl-1937, G. K. Chesterton xejjen il-kunċett tal-ewtanasja b’kumment satiriku:
“f’pajjiżi qed jiġi propost dak li jissejjaħ ewtanasja. Għalissa hu biss proposta biex jinqatlu dawk li huma ta’ piż għalihom infushom, iżda dalwaqt se jkun applikat b’mod progressiv għal dawk li huma ta’ piż għal ħaddieħor. Peress li hu applikabbli għal persuna moribonda jew parzjalment paralizzata, id-deċiżjoni se tkun f’idejn ħaddieħor.”
Dan jiġi kkonfermat fil-pajjiżi fejn l-ewtanasja hi legalizzata għax għadd dejjem jikber ta’ nies vulnerabbli qegħdin jiġu ewtanizzati kontra r-rieda tagħhom.
Il-Knisja tiddefendi d-drittijiet tal-bniedem, il-ħajja f’kull fażi tagħha u d-dinjità umana. Temmen fis-sagralità tal-ħajja għax tirrikonoxxi li kull persuna hi maħluqa fuq ix-xbieha ta’ Alla. Għal din ir-raġuni hi kontra l-abort, l-infantiċidju u l-ewtanasja.
Issa naraw jekk il-Kattoliċi Maltin humiex se jħaddnu u jiddefendu l-prinċipji tar-reliġjon tagħhom.

0
reviews