Opinjoni - Il-Habbar ta' Sant'Antnin

Go to content

Opinjoni
L-Insara u l-politika
Hemm ħafna aktar fir-responsabbiltà politika ta’ kull persuna milli sempliċement tivvota f’elezzjoni


Il-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika jagħti importanza kbira lid-dimensjoni soċjali tal-bniedem. M’hemm l-ebda dubju li l-politika għandha rwol kruċjali li tagħti s-setgħa lin-nies biex jilħqu t-twettiq tagħhom b’mod aktar sħiħ u effettiv.

L-iskop tal-politika hu li tippromwovi l-ġid komuni li jirrispetta d-drittijiet fundamentali ta’ kull persuna. Id-dritt bażiku tal-bniedem hu d-dritt għall-ħajja. Dan, imbagħad, hu l-pedament li jagħti lok għad-drittijiet l-oħra kollha li jagħtu s-setgħa lill-persuna biex twettaq il-vokazzjoni tagħha fil-ħajja u biex tisfrutta t-talenti u l-abbiltajiet tagħha bl-aħjar mod li tista’. Għalhekk hu kruċjali li kull wieħed u waħda minna jipparteċipa biex jagħmel l-almu tiegħu għalih innifsu, għall-familja tiegħu u għall-komunità ta’ madwaru.

Hemm ħafna aktar fir-responsabbiltà politika ta’ kull persuna milli sempliċement tivvota f’elezzjoni. Bħala Kattoliċi rridu nkunu infurmati bil-prinċipji tad-Duttrina Soċjali Kattolika li żviluppaw maż-żmien. Dawk minna li jistqarru li jgħixu l-vokazzjoni Nisranija tagħhom ma jistgħux joqogħdu gallarija.
Hu mhux biss leġittimu li wieħed jagħti appoġġ lill-partiti politiċi li jiddefendu l-valuri ewlenin tal-Ġustizzja Soċjali, is-Solidarjetà u s-Sussidjarjetá, iżda hu wkoll obbligu.

Ma tantx hemm bżonn ta’ għarfien politiku biex tirrealizza li s-sitwazzjoni preżenti f’Malta teħtieġ bidla radikali għall-aħjar. Wieħed mill-aktar fatturi ta’ dwejjaq hu t-twemmin li l-politika hi maħmuġa. Indikatur ieħor inkwetanti ħafna hu l-apatija tal-votanti, speċjalment fost iż-żgħażagħ.

Ħadd ma jikkundanna l-indifferenza politika b’mod aktar qawwi mit-Taljan rinomat Roberto Benigni. B’qawwa kbira hu jgħid: “Jien ngħidlek ħobb il-politika. Li ma jkollokx interess fil-politika qisu ma jkollokx interess fil-ħajja. Imma kif tista’ tkun indifferenti għall-politika? Dan ifisser li mhux biss m’intix interessat f’ħajtek, iżda lanqas biss jimpurtak minn ibnek jekk imurx l-iskola, jekk ikollux edukazzjoni tajba, jekk jimrad hux se jiġi kkurat u, jekk jiżżewweġ, hux se jsib xogħol”.

Benigni jikkundanna l-iskuża rħisa li nużaw meta ngħidu li l-politiċi huma kollha l-istess. Jinsisti li aġir bħal dan jilgħab f’idejn id-diżonesti u l-ħżiena. Dan iwassal għall-aċċettazzjoni ta’ kultura ta’ korruzzjoni li qegħda tifni lil pajjiżna. Bl-aktar mod qawwi, Benigni jikkundanna lil dawk li ma jivvutawx. Warakollox, il-vot f’demokrazija jagħtina l-opportunità li nesprimu dak li rridu.

Tant nies batew bil-kbir biex ikollna d-dritt li ngħixu f’demokrazija u nagħżlu rġiel u nisa denji biex jagħmlu dak li hu fl-aħjar interess tas-soċjetà tagħna. Minkejja li rbaħna l-Indipendenza tagħna sittin sena ilu, is-sitwazzjoni ta’ diqa tirrifletti ħażin ħafna fuq il-maturità u l-integrità tal-poplu tagħna. Wisq minna nittrattaw il-politika tal-partit bil-fanatiżmu tal-partitarji tal-futbol. Oħrajn jisfruttaw l-użu tal-vot biex jaqdu l-interessi personali dojoq tagħhom mingħajr l-iċken ħsieb dwar id-drittijiet tal-oħrajn. Fi klima bħal din, il-politika onesta m’għandhiex ċans li tiffjorixxi.

Kull wieħed, skont l-istat tiegħu fil-ħajja, għandu responsabbiltà kbira li jinforma lilu nnifsu u jappoġġa lil dawk li verament se jippromwovu valuri li m’hemmx dubju li jirrispettaw il-ġid komuni.

Klaus Vella Bardon
0
reviews
ĊAK, Triq S. Sommier, Birkirkara BKR4611 - MALTA
Tel: +356 21 498 343 - info@habbar.cakmalta.org

© ĊAK Ltd. Franġiskani Konventwali, Malta 2024
Back to content