Sant’Antnin ta’ Padova
L-Isem li hu ’l fuq minn kull isem
Sant’Antnin jikkummenta dwar l-isem ta’ Ġesù
Fost il-prietki ta’ S ant’Antnin insibu dawk fejn jitfa’ rifletturi fuq l-isem ta’ Ġesù. F’dan l-artiklu se naraw kif il-Qaddis jikkummenta dwar l-isem ta’ Ġ esù. Jibda billi jikkwota l-Atti tal-Appostli (4:12): “m’hemm l-ebda isem ieħor taħt is-sema li bih aħna nistgħu nsalvaw”.
Fit-tħabbira lil Marija, l-Arkanġlu Gabrijel jgħid: “Tibżax, Marija, għax int sibt grazzja quddiem Alla. Int se tnissel u jkollok iben u ssemmih Ġesù. Hu jkun kbir u jissejjaħ Bin Alla l-Għoli” (Lq 1:
31-32).
Il-Qaddis jikkwota l-Evanġelju: “Meta wasal it-tmien jum, il-ġenituri ħadu lit-tifel biex jagħmlulu ċ-ċirkonċiżjoni u semmewh Ġesù, l-isem li tah l-Anġlu qabel ma tnissel fil-ġuf” (Lq 2:21).
Fil-prietka, Sant’Antnin jikkummenta dwar “iċ-ċirkonċiżjoni” biex juri s-sens mistiku u spiritwali tagħha. Jgħid kif il-ġusti kollha, fil-Jum tal-Qawmien, se jkunu “ċirkonċiżi” minn kull ħażen tad-dinja. Hekk Ġesù kien ċirkonċiż biss fil-ġisem għax ma kien hemm xejn ħażin fl-Ispirtu tiegħu. Dan, għax kif jgħid San P ietru fl-Ittra tiegħu (2:22): “Ġesù ma wettaq l-ebda dnub u ma kien hemm l-ebda ingann fi kliemu”.
Ġesù kellu jkun ċirkonċiż, qabel xejn, biex jobdi l-liġi u biex il-Lhud ma jkollhomx xi jgħidu kontrih għax l-osservanza tal-Liġi ta’ Alla tgħid: “Min mhuwiex ċirkonċiż irid jinqata’ min-nies għax” - kif hemm miktub fil-Ktieb tal-Ġenesi – “ir-raġel li l-ħliefa tiegħu ma tinqatax, jinqata’ minn niesu” (17:14).
Il-Qaddis jgħid li t-tifel Ġesù ġie għaċ-ċirkonċiżjoni għal tliet raġunijiet: l-ewwel biex tiġi osservata l-liġi; it-tieni biex iċaħħad lil-Lhud milli jsibu xi jgħidu kontra tiegħu u t-tielet biex jgħallimna
l-importanza taċ-ċirkonċiżjoni tal-qalb li tagħha l-Appostlu jgħid: “Iċ-ċirkonċiżjoni hi dik tal-qalb, fl-ispirtu u mhux fl-ittra; il-glorja tiegħu ma tiġix mill-bnedmin, imma minn Alla” (Rum 2:29).
Sant’Antnin, li ma jaħrablu xejn, isemmi lill-Evanġelista Luqa li jerġa’ jsejjaħ lit-tarbija b’isimha, din id-darba fil-Preżentazzjoni: “wara li għalqilhom iż-żmien għall-purifikazzjoni tagħhom, skont il-liġi ta’ Mosè, ħadu lil Ġesù Ġerusalemm biex jippreżentawh lill-Mulej kif hemm miktub fil-liġi tal-Mulej li ‘kull tifel li jitwieled l-ewwel jiġi kkonsagrat lill-Mulej’” (Lq 2:21-24).
Sant’Antnin, kważi b’mod poetiku, jikkummenta dwar l-isem Ġesù. F ost oħrajn jgħid:“Isem Ġesù hu isem ħelu, isem li jfarraġ lill-midneb, isem li jferraħ il-qalb, isem melodjuż għall-widna u qisu għasel għall-ħalq. Isem li jnissel it-tama u jġib il-ferħ.”
Il-Qaddis japplika għal Ġesù l-kliem tal-għarusa fl-Għanja tal-Għanjiet li tgħid: “Ismek hu fwieħa li tgħaxxaq, Ismek żejt li jitferra’” (1:2). Sant’Antnin jikkummenta dwar ix-xbieha “taż-żejt li jitferra’” u josserva li ż-żejt għandu ħames proprjetajiet: L-ewwel: iż-żejt dejjem jitla’ fil-wiċċ tal-likwidi. It-tieni: iż-żejt irattab l-affarijiet ibsin. It-tielet: iżomm it-tempra tal-affarijiet mhux
misjura. I r-raba’: idawwal l-affarijiet. U l-ħames: jindilek biex jipproteġi l-ġisem.
Għall-isem ta’ Ġesù kull irkoppa tmil
Sant’Antnin ikompli jgħid li, minħabba l-kobor tiegħu, l-isem ta’ Ġesù hu ’l fuq minn kull isem kemm tal-bnedmin kif ukoll tal-Anġli għax “għall-isem ta’ Ġesù kull irkoppa tmil u kull ilsien jistqarr li Ġesù Kristu hu l-Mulej għall-Glorja ta’ Alla l-Missier” (Fil 2:10-11).
Il-Qaddis ikompli jgħid li, meta isem Ġesù jkun ipproklamat, irattab il-qlub iebsa, jikkalma l-eħrex tentazzjonijiet u jiddawwal, iż-żejt iħeġġeġ u jserraħ kemm il-qalb kif ukoll ir-ruħ tal-bniedem.
Sant’Antnin jinnota wkoll li l-isem ta’ Ġesù mhux biss hu “żejt”, imma hu “żejt imferra’”. Jistaqsi: “minn min jitferra’ ż-żejt?” u “fejn jitferra’?” Iwieġeb hu stess: “Dak li jferra’” hu Alla l-Missier u “jitferra’” kemm fis-sema, fuq l-art u fl-infern.
Fis-sema, fejn hemm “kotra kbira li ħadd ma jista’ jgħoddha, minn kull poplu u lsien, weqfin quddiem it-tron u quddiem il-Ħaruf, lebsin ilbiesi twal bojod u bil-friegħi tal-palm f’idejhom. Li lkoll għollew leħenhom u bdew jgħidu: ‘Is-salvazzjoni nafuha lil Alla tagħna u lill-Ħaruf’” (Apok 7:9-10). Il-ħaruf mhuwiex għajr Ġ esù li hu msejjaħ ukoll: “Salvazzjoni u Salvatur”.
Fuq l-art jitferra’ fid-dinja għall-faraġ tal-bnedmin midinbin kif jgħid I żaija: “Ix-xewqa għal ismek u għat-tifkira tiegħek huma x-xewqa tagħna lkoll. U ruħna tixxennaq għalik bil-lejl” (Is 26:8-9).
Fl-infern. Hawn tajjeb ninutaw li, “bl-Infern”, il-Qaddis mhux qed jifhem il-post ta’ kundanna għall-erwieħ ħżiena u “fejn hemm il-biki u t-tgħażżiż tas-snien” (Mt 24:51), imma l-post fejn ir-ruħ tkun qeda tistenna li tiġi ppurifikata. Hu l-post li aħna nsejħulu Purgatorju, jiġifieri l-post ta’ purifikazzjoni fejn jissaffew l-erwieħ mill-ħażen li jkunu għamlu. Fil-fatt, dawn l-erwieħ, jgħid il-Qaddis, kienu jinżlu għarkupptejhom u, bid-dmugħ ta’ ferħ, jgħidu: “Ħajr tassew mill-qalb, O Ġesù Feddej tagħna li, fil-ħniena tiegħek, ġejt biex teħlisna minn dal-wied tad-dmugħ”.
Sant’Antnin jgħid li, bil-Latin, l-isem Ġesù hu IESUS li jikkonsisti f’żewġ sillabi, tliet vokali (IEU) u żewġ konsonanti (SS). “Żewġ sillabi” għax Ġesù għandu żewġ naturi: dik divina u dik umana.
Tliet vokali għax “hemm tlieta li jagħtu xhieda fis-sema: il-Missier, il-Kelma (il-Verb) u l-Ispirtu s-Santu. Dawn it-tliet persuni huma ħaġa waħda” (1 Ġw 5:7). Dawn, flimkien, jiffurmaw persuna
waħda: dik ta’ Ġesù: Alla “li sar bniedem, li għammar fostna”. Dan l-isem, hu l-isem qaddis u glorjuż u “li m’hemmx isem ieħor taħt is-sema li bih nistgħu nsalvaw” (Atti 4:12).
Intemm b’silta għal qalb Sant’Antnin meħuda mill-Prologu tal-Evanġelju ta’ San Ġwann fejn l-Evanġelista jitkellem dwar Ġesù mingħajr ma jsemmih b’ismu, iżda jitkellem dwaru bħala “l-Verb”.
“Fil-bidu kien il-Verb u l-Verb kien ma’ Alla u l-Verb kien Alla. Hu kien fil-bidu ma’ Alla. Kollox bih sar u mingħajru ma sar xejn. Kulma sar kellu l-ħajja fih u l-ħajja kienet id-dawl tal-bnedmin. Hu
(Ġesù) d-dawl veru li jdawwal kull bniedem” (Ġw 1:1-3).
Anthony Borg
0
reviews