Sant’Antnin - Il-Habbar ta' Sant'Antnin

Go to content

Sant’Antnin ta’ Padova
It-tliet festi u l-ilbies tagħhom
Għall-qaddisin fis-sema jkun hemm kant u għana ta’ ferħ u ta’ radd il-ħajr

Sant’Antnin josserva li l-miġja ta’ Ġesù fostna hi spiss imxebbha ma’ festa ta’ tieġ. Infatti jgħid: “Is-Saltna tas-Smewwiet tixbah lil wieħed sultan li għamel festa ta’ tieġ għal ibnu u s-sala mtliet bil-mistednin. Mela jidħol is-sultan biex jara min kien hemm u lemaħ wieħed li ma kienx liebes għall-festa tat-tieġ” (Mt 22, 2.11).

Il-Qaddis, jikkummenta dwar din il-festa u jgħid li fir-realtà nsibu tliet festi tat-tieġ: Hemm dik tal-Inkarnazzjoni (tat-twelid ta’ Ġesù). Hemm dik tal-Penitenza, mifhuma bħala “il-konverżjoni” u “l-bidla tal-qalb”. It-tielet festa hi dik tal-Glorja tas-Sema. Għal dawn it-tliet festi kull wieħed u waħda minna mistiedna.

TLIET ILBIESI DIFFERENTI
Il-Qaddis jgħid li hemm tliet ilbiesi differenti li l-mistednin iridu jilbsu għal kull waħda minn dawn il-festi. Għall-festa tal-Inkarnazzjoni tintlibes il-libsa bajda tal-għażel, għall-festa tal-Penitenza tintlibes il-libsa kkulurita u għall-festa tal-Glorja tas-Sema hemm il-libsa lewn skarlatt, aħmar lewn id-demm. Naraw kif Sant’Antnin jirrifletti dwar dawn l-ilbiesi.

IL-LIBSA TAL-FESTA TAL-INKARNAZZJONI
Dawk li jixtiequ jieħdu sehem fil-festa tal-Inkarnazzjoni jridu jilbsu libsa tal-għażel abjad fin. Il-ktieb tal-Apokalissi jgħidilna għalfejn: “Għax wasal it-tieġ tal-ħaruf u lill-Għarusa ngħata li tilbes għażel abjad fin jgħammex l-għajnejn” (19, 7-8).
L-Għarusa, li hi l-Knisja, trid titħejja bil-fidi għall-miġja tal-Mulej fl-Inkarnazzjoni u trid tilbes il-libsa bajda tas-safa, li tgħammex fir-ruħ u li tiddi fil-ġisem. Il-Qaddis jistaqsi: kif jista’ wieħed, li ma jilbisx il-libsa l-bajda tas-safa ta’ qalbu u ta’ ħajtu, jasal biex jidħol fil-knisja u jingħaqad mal-ġemgħa tal-fidili għall-ikla tal-Ġisem tal-Mulej? Lil wieħed bħal dan is-Sultan mhux sejjer ma jistaqsihx: “Ħabib, dan kif dħalt hawn. M’intix liebes għall-festa” (Mt 22, 12)?

Sant’Antnin ikompli jirrifletti li l-libsa tat-tieġ, bajda, safja u bla tebgħa togħġob lil Bin il-Verġni Marija. Fl-Għanja tal-Għanjiet insibu: “Fejn mar il-maħbub tiegħek biex aħna nfittxuh flimkien? Il-maħbub tiegħi niżel fil-ġnien tiegħu biex jaqta’ l-ġilji u jirgħa qalb il-ġilji” (6, 1-2). “Il-Ġnien tal-Maħbub”, skont il-Qaddis, “hu r-ruħ tal-bniedem ġust fejn il-Maħbub isib ‘sodda ta’ ħwawar’ li mhix għajr l-umiltà, li hi omm il-virtujiet kollha waqt li ‘il-ġilji’ huma simbolu tal-bjuda tas-safa”.

IL-LIBSA TAL-FESTA TAL-PENITENZA
Dawk li jixtiequ jieħdu sehem fil-festa tal-Penitenza, Sant’Antnin jgħid li jeħtieġu l-libsa b’ħafna lwien, li turi l-umiltà tal-qalb. Il-ktieb tal-Ġenesi jitkellem dwar din il-libsa:“Ġakobb kien iħobb lil ibnu Ġużeppi aktar minn ħutu l-oħra għax kien twelidlu fi xjuħitu. Lil dan għamillu libsa twila, bil-kmiem, ikkulurita” (37, 3).

Kif Ġakobb lil ibnu għamillu libsa b’ħafna kuluri, hekk ukoll Alla l-Missier libbes lil ibnu Ġesù, li ‟fih isib l-għaxqa tiegħu” (Mt 17, 5). Għalhekk min irid jieħu sehem fil-festa tal-pentitenza, biex żgur ma jismax lis-Sultan jgħidlu: “Ħabib, kif dħalt hawn. M’intix liebes għall-festa” (Mt 22, 12)? Irid jilbes il-libsa kkulurita, dik tal-umiltà, tal-indiema u tal-imħabba.

IL-LIBSA TAL-FESTA TAL-GLORJA TAS-SEMA
Id-Duttur Evanġeliku jgħid li min jixtieq jidħol għall-festa tal-Glorja fis-Sema jrid jilbes il-libsa tal-iskarlatt (aħmar jgħajjat). Dan il-kulur ifisser l-imħabba tal-bniedem kemm lejn Alla kif ukoll lejn il-proxxmu. Il-Mulej ordna lil Mosè li l-ilbies tas-saċerdoti jkun b’ħajt porpra u skarlatt u għażel fin (Eż 28, 5).

Ġesù wkoll, li hu s-Saċerdot tal-Patt il-Ġdid, qabel l-offerta tiegħu nnifsu fuq l-altar tas-salib, is-suldati libbsuh mantar aħmar (Ġw 19, 2).

F’Jum il-Ħaqq is-Sultan ibierek u jdaħħal fis-sala tal-festa lil “dawk li ġejjin mit-taħbit il-kbir u l-ilbiesi tagħhom ħasluhom u bajduhom fid-demm tal-Ħaruf” (Apk. 7, 14). Is-Sultan, iżda, jikkundanna lil dawk li ma jkunux liebsa l-ilbies skarlatt tal-imħabba.

Fl-Evanġelju ta’ San Mattew insibu li: ‟Mela jidħol is-sultan ħalli jara min kien hemm fuq il-mejda u hemmhekk lemaħ wieħed li ma kienx liebes għall-festa tat-tieġ. Qallu: ‘Ħabib, dan kif dħalt hawn m’intix liebes għall-festa’? Dak tbikkem. Imbagħad is-sultan qal lil dawk li kienu qed iservu: ‘Orbtulu riġlejh u idejh u waddbuh ’il barra fid-dlam. Hemmhekk ikun hemm il-biki u t-tgħażżiż tas-snien’ (Mt 22, 11-13)”.

Bl-istess mod ‘is-sultan jidħol’ biex jagħmel ħaqq minna lkoll, biex jara l-opri ta’ ħniena, l-opri u l-merti tajba tagħna lkoll.

ĦAFNA MSEJĦIN, FTIT MAGĦŻULIN
Sant’Antnin ikompli li “ħafna huma msejħa, imma ftit magħżulin” (Mt 22, 14). Għall-festa tal-Inkarnazzjoni, minħabba n-nuqqas ta’ fidi, “ftit huma magħżulin” biex jidħlu għall-festa tas-Saltna ta’ Alla. Il-Qaddis jikkwota lil San Pawl li jħeġġiġna: “Imtlew bl-Ispritu, kantaw flimkien salmi, innijiet u kantiċi spiritwali. Kantaw u għannu minn qalbkom lill-Mulej” (Ef 5, 18-19). Dawn “is-salmi, l-innijiet u l-kantiċi” għandhom rabta mat-tliet festi tat-tieġ: għall-festa tat-tieġ tal-Inkarnazzjoni, ikollna bżonn “is-salmi” tal-opri tajba bħala prova esterna tal-fidi interna, kif ukoll xhieda tat-tifħir tagħna lill-Mulej “fuq l-arpa b’għaxar kordi” (Salm 32, 2) li mhix għajr: l-arpa tal-għaxar Kmandamenti.

Għall-festa tat-tieġ tal-Penitenza għandna bżonn ‟l-innijiet” ta’ ndiema, sogħba u umiltà tal-qalb. “Oħloq fija qalb safja u spirtu qawwi ġedded fija... qalb niedma u sogħbiena, int ma twarrabiex, O Alla” (Salm 50, 12.19). Għall-festa tal-Glorja jeħtieġ li jkollna l-ferħ tal-“għana spiritwali”.

Waqt li għall-ħżiena “jkun hemm il-biki u t-tgħażżiż tas-snien”, għall-qaddisin fis-sema jkun hemm kant ta’ kantiċi u għana spiritwali ta’ ferħ u ta’ radd il-ħajr. Il-Qaddis ikompli: “Xħin temmew kollox bdew ifaħħru l-Mulej b’innijiet u għana ta’ radd il-ħajr, għax kien għamel ġid kbir ma’ Iżrael u tahom ir-rebħa” (2 Mak 10, 38).

Sant’Antnin itemm ir-riflessjoni tiegħu bi stedina permezz ta’ din it-talba: “Maħbubin tiegħi, bid-dmugħ u b’qalb niedma ejjew nitolbu lill-Mulej Ġesù li meta jiġi fil-Glorja biex jagħmel il-ħaqq minna ma nsibux ruħna ’l barra fid-dlam kif għamel lil dak ir-raġel li ma kienx liebes il-libsa tat-tieġ.

Ejjew nitolbu biex idaħħalna lkoll ħalli nkantaw il-kantiċi ta’ ferħ mal-Qaddisin fil-festa tat-tieġ fil-Glorja tas-sema. Dan nagħmluh bl-għajnuna ta’ Dak, li jistħoqqlu kull ġieħ u glorja għal dejjem ta’ dejjem. Ejjew ilkoll, bħala Knisja, inkantaw flimkien: “Ammen, Alleluia”!

Anthony Borg
0
reviews
ĊAK, Triq S. Sommier, Birkirkara BKR4611 - MALTA
Tel: +356 21 498 343 - info@habbar.cakmalta.org

© ĊAK Ltd. Franġiskani Konventwali, Malta 2024
Back to content