Sant’Antnin ta’ Padova
Is-sejħa għall-qdusija
Nitolbu lill-Mulej jagħtina l-grazzja li nfittxu l-ewwel is-Saltna tiegħu
Waqt li jitkellem dwar is-sejħa għall-qdusija, Sant’Antnin ifakkarna li “Alla għażilna fih qabel il-ħolqien tad-dinja biex inkunu qaddisa u bla tebgħa quddiemu fl-imħabba” (Ef 1, 4).
Din is-silta hi dik li l-Knisja għarfet bħala s-sejħa universali ta’ kull membru tagħha. Tant hu hekk li l-kapitlu ċentrali tal-Lumen Gentium, li hu d-dokument prinċipali tal-Konċilju Vatikan II, hu proprju dwar Is-Sejħa għall-Qdusija.
Il-Konċilju għamilha ċara li “kulħadd, fil-Knisja, kemm dawk li jagħmlu sehem mill-ġerarkija kif ukoll dawk immexxija minnha, huma msejħa għall-qdusija” (LG 39). Il-Konċilju jiċċara li, “għalkemm huma differenti l-modi ta’ kif is-Saċerdot, ir-Reliġjuż jew il-Lajk jgħix, il-qdusija tiegħu hi waħda” (LG 41).
PREKURSUR TAL-KONĊILJU
Fil-kitbiet tiegħu ta’ aktar minn 700 sena qabel il-Konċilju Vatikan II, Sant’Antnin kiteb fit-tul dwar li s-sejħa għall-qdusija. Il-Qaddis jgħid li “l-qdusija hi sejħa għal dawk kollha li jridu jimxu wara Kristu, hu x’inhu l-istat ta’ ħajja li jgħixu fih”. Fil-prietka tal-15-il Ħadd wara Pentekoste Sant’Antnin jikkwota lil Ġesù: “Fittxu l-ewwel is-saltna u l-ġustizzja ta’ Alla” (Mt 6, 33). Din mhijiex ħlief “it-triq tal-Qdusija”. Il-Qaddis ikompli: “is-Saltna ta’ Alla hi l-ogħla ġid li rridu nfittxu fuq kull ħaġa oħra. Li tfittex is-saltna ta’ Alla jfisser li tpoġġi fil-prattika din il-ġustizzja fil-ħajja ta’ kull jum”.
IL-ĠILJI TAL-ĠONNA
Bħala simbolu tal-qdusija Sant’Antnin juża t-tixbiha tal-ġilji tar-raba’. Il-Qaddis jistedinna biex naħsbu kif jikbru l-ġilji: “Ħarsu lejn il-ġilji tar-raba’, dawn la jitħabtu u lanqas jinsġu” (Mt 6, 28).
Dawk li jixtiequ jgħixu ħajja qaddisa jridu jikbru minn virtù għall-ieħor. Qatt ma nistgħu nilħqu xi grad ta’ qdusija bl-isforzi tagħna waħidna. Alla hu “l-għajn ta’ kull qdusija”. Hu l-Ispirtu s-Santu li, bil-grazzja tiegħu, jagħmilna qaddisin. Min-naħa tagħna, irridu nagħrfu l-faqar tagħna u li ma nistgħux nikbru fil-qdusija mingħajr id-doni tal-Ispirtu s-Santu.
Sant’Antnin kien jifhem “il-faqar” f’sens bibliku. Hu mifhum bħala l-għarfien taċ-ċokon tal-bniedem u tad-dipendenza tiegħu fuq Alla. Il-Qaddis jikkwota lil Ġwanni l-Battista: “Jeħtieġ li jikber Hu u niċkien jien” (Ġw 3, 30). Il-Verġni Marija wkoll kienet tqis li “s-Setgħani xeħet għajnejh fuq iċ-ċokon tal-qaddejja tiegħu” u li agħmel magħha ħwejjeġ kbar.
Sant’Antnin ikompli jgħid li: “aktar ma wieħed jiċċekken aktar jikber quddiem Alla,” u jtemm: “dan iseħħ meta l-bniedem jumilja ruħu u jċekken lilu nnifsu ħalli jitgħolla fil-perfezzjoni tal-imħabba, tal-ħsieb u tal-għemil”. Bil-“perfezzjoni tal-imħabba” l-Qaddis kien qed jifhem “il-qdusija” tal-Evanġelju.
IS-SELLUM TAL-QDUSIJA
Sant’Antnin jitkellem dwar is-sellum li ra Ġakobb fil-ħolma li kellu (Ġen 28, 12-13): ‟Ġakobb ra sellum wieqaf fl-art bil-quċċata tiegħu fis-sema u beda jara Anġli telgħin u niżlin miegħu”. Il-Qaddis ifisser li “s-sellum hu Ġesù Kristu nnifsu. Is-sellum għandu żewġ lasti weqfin u sitt skaluni mimdudin. Iż-żewġ lasti weqfin huma ż-żewġ naturi ta’ Kristu: dik divina u dik umana. Is-sitt skaluni huma s-sitt virtùjiet li kellu Kristu: l-umiltà, il-faqar, l-għerf, il-ħniena, is-sabar u l-ubbidjenza”.
Il-Qaddis ifisser dawn l-iskaluni bl-eżempji mill-ħajja ta’ Kristu li jagħtina eżempju tal-Umiltà meta: “għad li kellu natura ta’ Alla ma qagħadx ifittex tiegħu li hu daqs Alla, iżda xejjen lilu nnifsu billi ħa natura ta’ lsir u sar jixbah lill-bniedem” (Ef 2, 6-7).
Il-Faqar ta’ Ġesù deher meta “Hu, li kien għani, ftaqar”. Jgħid li hemm għadd ta’ mumenti fil-ħajja ta’ Ġesù li juru l-faqar li għex mit-twelid tiegħu f’maxtura tal-annimali f’Betlem (Lq 2, 7) sa meta spiċċa msallab, għeri fuq is-salib (Ġw 19, 24).
Dwar l-Għerf jgħidilna li: “Ġesù baqa’ jikber fl-għerf, fis-snin u fil-grazzja quddiem Alla u quddiem il-bnedmin” (Lq 2, 51). L-għerf tiegħu kien jidher ukoll fil-mod kif kien jgħallem tant li n-nies kienu jistaqsu: “Minfejn kisbu dan l-għerf kollu?” (Mt 13, 54)
Il-Ħniena ta’ Ġesù kienet tispikka fir-rakkonti tal-parabboli fosthom f’dawk tas-Samaritan it-Tajjeb, tal-Iben il-ħali, il-ħniena lejn l-armla ta’ Najm u lejn il-folla bil-ġuħ.
Is-Sabar ta’ Ġesù jidher meta besqu fuqu, sawtuh u tawh bil-ħarta u Hu baqa’ sieket, tant li “meta għajruh ma weġibx bit-tagħjir, meta bata ma heddidx, imma ħalla f’idejn l-Imħallef ġust” (1Pt 2, 23).
L-Ubbidjenza tiegħu tidher fil-kliem: “kien ubbidjenti sal-mewt, anzi sal-mewt tas-Salib” (Fil 2, 8). Ġesù għaraf li kellu jkun fix-xogħol ta’ Missieru u jkun ubbidjenti għar-rieda tiegħu (Lq 2, 24).
NITILGĦU S-SELLUM
Il-Qaddis kien jistieden u jgħid lin-nies “Araw is-sellum! Qiegħed hemm jistenna! Għaliex titnikker biex titilgħu? Għalfejn qed titmiegħek mal-art u timxi inbe’ fuq idejk u rkupptejk? X’qed tistenna biex tibda tiela’ s-sellum? Ġakobb ra l-Anġli telgħin u niżlin mas-sellum. L-istess sellum qed jistieden lilna biex nitilgħu miegħu u nduqu l-ħlewwa u l-qdusija tal-Mulej”.
F’mument ieħor, fil-prietki tiegħu Sant’Antnin jitkellem mill-ġdid dwar “is-sellum ta’ Ġakobb” li jwassal għall-qdusija: “dan is-sellum hu simbolu tal-qdusija tal-midneb, li jitkellem dwaru San Pawl: ‘dan irid Alla minnkom, il-qdusija tagħkom, li titbiegħdu miż-żina u li kull wieħed minnkom iżomm ġismu fil-qdusija u l-ġieħ’” (1Tess 4, 3-4).
Sant’Antnin ifisser li ż-żewġ lasti weqfin tas-sellum huma l-att ta’ ndiema u l-istqarrija tad-dnubiet. Imbagħad ifisser is-sitt skaluni bħala s-sitt virtujiet meħtieġa għall-qdusija ta’ ruħna u ta’ ġisimna. Dawn, il-Qaddis jgħid li, huma l-mortifikazzjoni, id-dixxiplina fuqna nfusna, iċ-ċaħda u l-astinenza, l-għarfien tad-dgħufija tagħna, il-prattika tal-opri tajba u l-kontemplazzjoni tal-glorja tas-Sema.
Intemm din ir-riflessjoni bit-talba li biha Sant’Antnin temm il-prietka tiegħu: “l-aħwa, ejjew nitolbu lill-Mulej Ġesù jagħtina l-grazzja li nfittxu l-ewwel is-Saltna ta’ Alla u biex naslu f’Ġerusalemm tas-Sema, ħalli jkun jistħoqqilna nimxu u nkantaw l-Alleluia fit-toroq tal-Ġenna flimkien mal-Verġni Immakulata Marija, mal-Anġli, mal-Qaddisin u mal-erwieħ tajba. Jalla l-Mulej, li s-Saltna Qaddisa tiegħu ma tintemmx, jisma’ talbna u aħna nwieġbu: ‘Qaddis, Qaddis, Qaddis, il-Mulej Alla tal-Eżerċiti, is-Smewwiet u l-art mimlija bil-Glorja tiegħu’.”
Anthony Borg
0
reviews