Sant’Antnin ta’ Padova
Fis-skiet insibu l-verità
Għall-qaddis ta’ Padova, is-silenzju ma kienx biss mistrieħ, imma mezz li bih ikun preżenti miegħu nnifsu, mal-oħrajn u ma’ Alla
Kemm hu sabiħ li nsibu ftit ħin waħedna fis-skiet! Madankollu, fil-verità, li nsibu mumenti ta’ skiet u noqogħdu għalina nfusna (solitudni) hi waħda mill-aktar affarijiet diffiċli. Qegħdin ngħixu f’dinja fejn is-skiet sar bħal donnu ġid rari. Inħossu l-bżonn tiegħu u kultant nixtiquh imma, meta jkollna ċans jew opportunità, naħarbu minnu.
Anki meta nkunu waħedna fis-skiet, moħħna jibda jdur u nirrimarkaw dwar affarijiet differenti: xi telefonata li rridu nagħmlu, xogħol li għandna b’lura, persuni li ilna ftit ma nkellmu jew xi aħbar li rajna fuq il-mowbajl. Spiss tiġina t-tentazzjoni li nimlew is-silenzju billi nisimgħu xi diska jew kanzunetta partikolari. Insomma, is-silenzju veru hu sfida kbira!
Sant’Antnin fir-rebbiegħa tal-1231, wara li kien għamel xahrejn jipprietka matul ir-Randan u l-Għid, ħass il-bżonn li jinqata’ għalih waħdu. Għalhekk, irtira lejn Camposampiero, raħal żgħir f’żona rurali madwar għoxrin kilometru ’l bogħod mill-belt ta’ Padova. Hemmhekk, bena kamra fuq siġra tal-ġewż biex ikun jista’ jitlob u jirrifletti fil-paċi.
Għall-qaddis ta’ Padova, is-silenzju ma kienx biss forma ta’ mistrieħ, imma mezz li bih kien ikun preżenti miegħu nnifsu, mal-oħrajn u ma’ Alla. Ma kienx lanqas separazzjoni jew ħarba mir-realtá, iżda mod kif jitqarreb iktar lejn il-komunità, billi tagħtih l-opportunità li jifhem aħjar lin-nies li kien jipprietka lilhom. Sant’Antnin, fis-skiet u s-solitudni sab mezz biex jidħol f’dimensjoni iktar qawwija u profonda ta’ smigħ u attenzjoni.
Jista’ jidher paradossali, imma proprju fis-skiet jirnexxilna nħossu u nisimgħu tassew. Is-skiet mhuwiex sempliċi nuqqas ta’ ħsejjes, iżda atteġġjament interjuri li jġegħelna niffokaw fuq dak li hu essenzjali. Jagħtina l-ispazju biex nistgħu nisimgħu l-vuċi ta’ Alla u tal-qalb tagħna stess, jirnexxielna nirriflettu fuq ħajjitna, nifhmu aħjar lilna nfusna u nkunu kapaċi nibnu relazzjonijiet aktar sinċieri u awtentiċi mal-oħrajn.
Is-skiet mhux biss joffrilna serħan, imma jippermettilna nkunu nies iktar għaqlin, preżenti u sensittivi għad-dinja ta’ madwarna.
Is-silenzju, minkejja li jista’ jidher bħala sfida, hu rigal prezzjuż. F’dinja mimlija ħsejjes, distrazzjonijiet u għaġla, hemm bżonn li nieqfu u nagħtu widen lis-skiet li jħallina nisimgħu aħjar il-vuċi ta’ Alla, nifhmu l-bżonnijiet ta’ dawk ta’ madwarna u nsibu tassew il-paċi f’qalbna. B’hekk ħajjitna tkun tagħmel iktar sens u r-relazzjonijiet tagħna mal-oħrajn ikunu iktar veri u awtentiċi.
Iva, hekk hu. Fis-skiet insibu l-verità.

0
reviews