Speċjali
PAPA ĠDID VIĊIN IL-ĦAJJA TAN-NIES
Il-Kardinal Robert Francis Prevost il-267 suċċessur ta’ Pietru
Il-Knisja Kattolika l-Ħamis, 8 ta’ Mejju filgħaxija, ħabbret li l-Kardinal Robert Francis Prevost ġie elett bħala l-267 suċċessur ta’ Pietru bl-isem ta’ Ljun XIV.
Fil-ħin li daħna bajda ndikat li l-Kardinali eleġġew Papa ġdid kont il-bażilika San Giovanni in Laterano għall-ftuħ tal-Ġublew tal-Martri organizzat mill-Aid to the Church in Need (ACN). Aktar minn elf persuna mid-dinja kollha, fosthom grupp minn Malta mmexxi mill-President tal-ACN Malta, Stephen Axisa, konna preżenti għall-Quddiesa tal-ftuħ immexxija mill-Isqof Kanadiż John Joseph Kennedy flimkien ma’ Isqfijiet oħra, Patrijarka minn Burkina Faso u madwar 60 saċerdot. Kienu qed jagħtu x-xhieda tagħhom dwar il-persekuzzjoni f’pajjiżhom diversi membri tal-ACN meta tħabbar li għandna Papa ġdid. Il-programm sfaxxa u kulħadd f’ġirja għall-Pjazza San Pietru biex naraw min hu s-suċċessur tal-Papa Franġisku u nisimgħu l-ewwel kliem tiegħu lid-dinja.
Tistgħu timmaġinaw it-traffiku fit-toroq li jagħtu għall-Pjazza San Pietru u l-follol kbar ta’ nies li ħonqu mhux biss din il-pjazza u pjazza Pio XII, iżda wkoll Triq Conciliazione u t-toroq li jagħtu għaliha. Naħseb li dawn il-pjazzez u toroq kienu ilhom ma jaraw daqtant nies mid-dinja kollha mill-funeral tal-Papa Ġwanni Pawlu II u tal-Papa Franġisku.
It-taxis kellhom jieqfu safejn setgħu jsuqu u mxejna wara l-bandiera Maltija sa l-ewwel big screen li sibna. U malli waqafna tinfetaħ il-gallerija ewlenija tal-faċċata tal-Bażilika San Pietru u jitħabbar li għandna Papa ġdid, Iljun XIV, il-Kardinal Robert Francis Prevost, Agostinjan. Il-folla nfexxet f’għajjat ta’ Viva l-Papa u f’ċapċip. Fil-galleriji l-oħra tal-bażilika stanja naraw uħud mill-133 Kardinal li ħadu sehem fil-konklavi għall-elezzjoni tal-Papa l-ġdid, fosthom lill-Kardinal Mario Grech.
Il-Papa Ljun XIV sellem lill-folla miġbura bil-kliem “il-paċi magħkom” u wara fakkar fl-appelli tal-predeċessur tiegħu għall-paċi. “Għadna nfakkru fil-vuċi dgħajfa, iżda dejjem kuraġġuża, tal-Papa Franġisku li bierek lil Ruma u lid-dinja kollha f’Ħadd il-Għid” u fl-aħħar barka Urbi et Orbi mogħtija minnu lejlet ma miet.
Hu ħeġġeġ lill-Insara kollha biex jgħinu fil-bini ta’ pontijiet ħalli n-nies tad-dinja jkunu jistgħu jingħaqdu bħala “poplu wieħed, dejjem fil-paċi.”
Wara li rringrazzja lill-Kardinali sħabu li għażluh Papa, il-Papa Ljun XIV wiegħed “li jimxi flimkien magħna bħala knisja magħquda u li dejjem se jfittex il-paċi u l-ġustizzja.”
MIN HU L-PAPA LJUN XIV
Il-Kardinal Robert Francis Prevost kien il-Prefett tad-Dikasteru tal-Isqfijiet u Arċisqof Emeritu ta’ Chiclayo. Twieled f’Chigago fl-14 ta’ Settembru 1955. Fl-1977 daħal novizz fl-Ordni ta’ Santu Wistin fil-Provinċja ta’ Sidtna Marija tal-Parir it-Tajjeb, f’Saint Louis u fl-1981 għamel il-voti solenni tiegħu. Studja fl-Unjoni Kattolika Teoloġika ta’ Chicago. Ta’ 27 sena ntbagħat Ruma jistudja l-liġi kanonika fl-Università Pontifiċja ta’ San Tumas ta’ Aquino. Irċieva l-ordinazzjoni presbiterali fl-1982 u l-liċenzjat tiegħu fl-1984 u mbagħad intbagħat fil-missjoni ta’ Chulucanas, f’Piura, il-Perù.
Fl-1987 irċieva d-dottorat bit-teżi: “Ir-rwol tal-prijur lokali fl-Ordni ta’ Santu Wistin”. Fl-istess sena ntgħażel direttur tal-vokazzjonijiet u tal-missjonijiet tal-Provinċja Agostinjana ta’ Sidtna Marija tal-Parir it-Tajjeb ta’ Olympia Fields, Illinois, l-Istati Uniti tal-Amerika. Fl-1988 intbagħat fil-missjoni ta’ Trujillo bħala direttur ta’ proġett konġunt ta’ formazzjoni għall-aspiranti Agostinjani fil-Vigarjat ta’ Chulucanas, Iquitos u Apurímac. Hu serva bħala prijur tal-komunità (1988-1992), direttur tal-formazzjoni (1988-1998) u surmast tal-professi (1992-1998). Fl-Arċidjoċesi ta’ Trujillo hu kien Vigarju Ġudizzjali u Professur tal-Liġi Kanonika, Patristika u Morali fis-Seminarju Maġġuri San Carlos u San Marcello.
Fl-1999 ġie elett Prijur Provinċjali tal-Provinċja Sidtna Marija tal-Parir it-Tajjeb, f’Chicago. Wara sentejn u nofs, il-Kapitlu Ġenerali Ordinarju ħatru Prijur Ġenerali, ministeru fdat lilu fil-Kapitlu Ġenerali Ordinarju tal-2007.
F’Ottubru 2013 irritorna fil-provinċja tiegħu f’Chicago biex jaqdi bħala għalliem lill-professi u Vigarju Provinċjali, rwoli li ħaddan sat-3 ta’ Novembru 2014 meta l-Papa Franġisku ħatru Amministratur Appostoliku tad-Djoċesi ta’ Chiclayo, il-Perù u Isqof tad-Djoċesi titulari ta’ Sufar.
Fl-istess xahar ħa l-pussess ta’ kanoniku tad-djoċesi, ġie ordnat Isqof fit-12 ta’ Diċembru, Festa ta’ Sidtna Marija ta’ Guadalupe, fil-Katidral tad-djoċesi tiegħu u mis-26 ta’ Novembru 2015 serva bħala Isqof ta’ Chiclayo. F’Marzu 2018 sar it-tieni Viċi-President tal-Konferenza Episkopali Peruvjana.
Il-Papa Franġisku ħatru membru tal-Kongregazzjoni għall-Kleru fl-2019 u membru tal-Kongregazzjoni tal-Isqfijiet fl-2020. Fil-15 ta’ April tal-istess sena, il-Papa ħatru wkoll Amministratur Appostoliku tad-Djoċesi ta’ Callao.
Fit-30 ta’ Jannar 2023, il-Papa Franġisku ħatar lill-Kardinal Prevost Prefett tad-Dikasteru għall-Isqfijiet u President tal-Kummissjoni Pontifiċja għall-Amerika Latina. Il-Papa Franġisku ħatru Kardinal fil-Konċistorju tat-30 ta’ Settembru 2024 bid-Djakonija ta’ Santa Monika.
“RAGĦAJ VIĊIN IL-ĦAJJA TAN-NIES” – il-Kardinali
Fl-aħħar kongregazzjonijiet li matulhom il-Kardinali ddiskutew il-futur tal-pontifikat fid-dawl ta’ bosta aspetti fosthom il-fidi, l-ispiritwalità, it-teknoloġija, l-ambjent, il-politika u l-ekonomija, il-Kardinali qablu li l-karatteristika ta’ Papa ġdid trid tixhed sens ta’ preżenza, viċin in-nies, li jkun kapaċi jibni pontijiet u jiggwida u li jiffaċilità aċċess għal iktar għaqda fost is-soċjetà umana li tinsab diżorjentata. “Il-Papa”, iddikjaraw, “irid ikun ragħaj viċin tal-ħajja vera tan-nies.”

0
reviews