Storja b’tagħlima - Il-Habbar ta' Sant'Antnin

Go to content

Storja b’tagħlima
Id-djamant maqsum
Flok tmaqdar żball ara xi sbuħija hemm moħbija taħtu

Darba kien hemm sultan li kien jaħkem fuq saltna żgħira. Din is-saltna ma kellha xejn speċjali għax la kienet kbira bħala art u lanqas kellha riżorsi. Iżda r-re kellu djamant mill-isbaħ li kien ilu jappartjeni lill-familja rjali għal ġenerazzjonijiet sħaħ.

Dan id-djamant kien tassew perfett. Is-sultan kien iħallih fejn kienu jistgħu jarawh is-sudditi tiegħu u dawn ma naqsux li jiġu mit-trufijiet kollha tas-saltna ħalli jammirawh. Il-fama ta’ dan id-djamant ġriet tant li bdew ġejjin jarawh nies minn pajjiżi lil hinn mis-saltna wkoll.

Għalhekk is-sudditi bdew iqisu dan id-djamant bħallikieku kien tagħhom. Kien għamilhom kburin, tahom dinjità u valur li ma kellhomx. Ġara li jum minnhom ġie suldat jiġri għand is-sultan bl-aħbar ħażina li, mingħajr ħadd ma messu, għax kien mgħasses sew, id-djamant kien ixxaqqaq.

Ir-re ġera lejn is-sala fejn kien hemm id-djamant għall-wiri u ra b’għajnejh stess il-ħsara: xaqq kien jgħaddi minn nofs id-djamant għal isfel. Immedjatament sejjaħ lill-ġojjellieri kollha tas-saltna u ordnalhom jiflu d-djamant. Wieħed wara l-ieħor ilkoll eżaminawh u waslu għall-istess konkluzjoni ta’ niket. Id-djamant kien imxaqqaq u ma kien baqagħlu l-ebda valur. Kien tħassar darba għal dejjem.

Is-sultan ħassu mgħattan b’din l-aħbar filwaqt li s-sudditi tiegħu ħassew li kollox kien spiċċa għalihom.

Imbagħad f’daqqa waħda, mingħajr ma ħadd kien jaf minn fejn ġie, jitfaċċa xwejjaħ li kien ġojjellier. Talab li juruh id-djamant. Wara li eżaminah bir-reqqa, resaq fuq is-sultan u, b’mod konfidenzjali, qallu: “Nista’ nirranġahulek, anzi nġibulek aħjar milli kien qabel”. Is-sultan inħasad u ħares lejn ix-xwejjaħ b’mod suspettuż. Iżda x-xwejjaħ insista: “Ħallini nieħu d-djamant u fi żmien ġimgħa nġibulek irranġat”.

Issa s-sultan lanqas imkisser ma ried jinfired mid-djamant u allura poġġa kamra għad-dispożizzjoni tax-xwejjaħ fil-palazz tiegħu stess, tah l-għodda u kull ma kellu bżonn u beda jistenna l-ġimgħa tgħaddi. Iż-żmien donnu ma seta’ jgħaddi b’xejn, iżda, fi tmiem il-ġimgħa x-xwejjaħ deher bid-djamant f’idejh u raddu lis-sultan.

Is-sultan ma setax jemmen lil għajnejh. Id-djamant kien tassew sabiħ. Ix-xwejjaħ kien irranġah u veru li kien ġabu wisq isbaħ milli kien qabel. Kien ħa x-xaqq li kien hemm f’nofs id-djamant u użah bħala zokk u fuqu poġġa warda mill-isbaħ bil-weraq u x-xewk. Kien tassew sabiħ.
Is-sultan feraħ tassew hekk li offra nofs is-saltna tiegħu lix-xwejjaħ li, minn ħaġa sabiħa, imma li dehret imħassra għal dejjem, irnexxielu jagħmel xi ħaġa wisq isbaħ. Min-naħa tiegħu x-xwejjaħ irrifjuta. “Mhux jien irranġajtu d-djamant. Dak li għamilt jien kien li, dak li kien imħassar, ġagħltu jwelled sbuħija ġdida. Is-sbuħija kienet qiegħda hemm fit-taħsir stess. Kulma riedet lil xi ħadd li kapaċi jaraha”!

U aħna meta naraw xi ħaġa mkissra jew imħassra, l-ewwel li naħsbu hu biex narmuha u nibdluha. Qatt ħsibt li, taħt qalb miksura hemm sbuħija li qiegħda tistenna lil xi ħadd jaraha u joħroġha fil-beraħ? Mela, flok tmaqdar żball tiegħek jew tal-oħrajn, mhux aħjar tara xi sbuħija hemm moħbija taħtu?


Josephine Bonello

0
reviews
ĊAK, Triq S. Sommier, Birkirkara BKR4611 - MALTA
Tel: +356 21 498 343 - info@habbar.cakmalta.org

© ĊAK Ltd. Franġiskani Konventwali, Malta 2024
Back to content