Storja b’tagħlima
Int speċjali
In-nies fis-soċjetà tal-lum donnhom jinsew li xi darba ħajjithom se tintemm
Ġurnata minnhom għalliema talbet lill-istudenti tagħha biex jiktbu l-lista ta’ sħabhom kollha tal-klassi fuq biċċa karta. Qaltilhom wkoll biex iħallu spazju bejn kull isem. Imbagħad qaltilhom biex jaħsbu fuq l-aktar affarijiet sbieħ fuq sħabhom u jiktbuhom.
Damu ħafna biex lestew din il-biċċa xogħol, kważi żewġ lezzjonijiet sħaħ. Meta ħarġu mill-klassi kull student newwel il-karta lill-għalliema.
Is-Sibt ta’ wara l-għalliema għaddietu tikteb kull isem fuq biċċa karta u, taħt, tikteb x’qal dak l-student jew dik l-istudenta. It-Tnejn ta’ wara qassmet kull karta lil kull student. Bil-mod il-mod tbissima nfirxet fuq wiċċ kulmin kien qed jaqra dak li kien hemm miktub fuq il-karta tiegħu.
“Iiiii! Ma kontx naf li kont infisser daqshekk”, instema’ xi ħadd jgħid. U kien hemm bosta li qalu, “Qatt ma kienet tgħaddili minn moħħi li kien hawn daqshekk nies jaħsbu tajjeb fija”.
Ħadd qatt ma reġa’ tkellem fuq dawk il-karti wara dakinhar. L-għalliema qatt ma saret taf jekk l-istudenti ddiskutewx il-ġrajja mal-ġenituri, imma ma kellhiex għalfejn tkun taf. L-iskop tagħha kienet laħqitu.
L-istudenti kienu ferħanin bihom infushom u bl-oħrajn. Dak il-grupp ta’ studenti kiber u komplew b’ħajjithom. Xi snin wara wieħed minnhom safa maqtul fil-Vjetnam u l-għalliema marret għall-funeral ta’ dan l-istudent speċjali. Qatt qabel ma kienet rat suldat f’tebut tal-militar. Kien jidher tassew gustuż u matur. Il-knisja kienet mimlija daqs bajda bil-ħbieb tiegħu. Wieħed wara l-ieħor dawk li kienu tant iħobbuh taw l-aħħar tislima lill-wiċċ hieni li kien hemm wara l-ħġieġa. L-għalliema kienet l-aħħar waħda li tat it-tislima tagħha.
Meta resqet lejn it-tebut, wieħed mis-suldati resaq lejha u staqsiha: “Int kont l-għalliema tal-Matematika ta’ Mark?” Hi baxxiet rasha. “Mark kien jitkellem spiss fuqek”, weġibha.
Wara l-funeral ħafna mill-ħbieb ta’ Mark li kienu fil-klassi miegħu marru jieklu flimkien. Ommu u missieru kienu hemm ukoll ħerqanin biex ikellmu lill-għalliema. “Irridu nuruk xi ħaġa,” qal missier Mark filwaqt li ħareġ biċċa karta mill-but. “Sabu din fuq Mark meta ġie maqtul. Qed tagħrafha?”
Newwel il-karta mtertqa u miksija bit-tape lill-għalliema. Kien jidher ċar li dik il-karta nqrat mijiet ta’ drabi. L-għalliema kienet diġà taf x’kien se juriha l-missier qabel ma ħadet il-karta f’idha. Kienet il-karta li fuqha kitbet hi stess snin qabel b’affarijiet sbieħ li sħab Mark kitbu fuqu.
“Nixtiequ ngħidulek grazzi ta’ dak li għamilt”, qaltilha omm Mark. “Kif tista’ tara, għal Mark dik il-karta kienet teżor kbir”.
Il-ħbieb kollha ta’ Mark resqu viċin. David tbissem tbissima mistħija u qal: “Il-karta tiegħi għadha għandi wkoll. Qiegħda fl-ewwel kexxun tal-iskrivanija tiegħi”.
Il-mara ta’ Simon qalet: “Simon qalli biex nagħmel il-karta tiegħu fl-album tat-tieġ tagħna”.
“Anke jien żammejtha”, qalet Marilyn. “Qiegħda fid-djarju”.
Vicky, studenta oħra, ħarġet karta mill-portmoni tagħha u wrietha lill-għalliema. “Jien inġorrha miegħi kullimkien u meta nħossni b’qalbi maqtugħa niftaħha u naqraha. Donna terġa’ tagħtini s-saħħa u t-tama. Naħseb kulħadd żammha l-karta tiegħu”.
F’dak il-ħin l-għalliema ma felħitx aktar u bdiet tibki. Bdiet tibki għal Mark u għal sħabu kollha li qatt ma kienu se jerġgħu jarawh.
In-nies fis-soċjetà tal-lum tant huma biżlin u mitlufin fil-ħajja ta’ kuljum li donnhom jinsew li xi darba ħajjithom se tintemm. U ma nafux meta se tkun dik il-ġurnata. Mela tinsiex tfakkar lin-nies li tħobb li huma speċjali u importanti għalik. Għidilhom qabel ma jkun tard wisq!
Josephine Bonello
0
reviews