Go to content

Tislima - Il-Habbar ta' Sant'Antnin

Skip menu
Skip menu
Tislima
L-Arċisqof Emeritu Pawlu Cremona OP
Ragħaj fidil u mimli mħabba

Fil-ħin li din ir-rivista kienet għall-istsmpa, tħabbret il-mewt tal-Arċisqof Emeritu Monsinjur Pawlu Cremona OP. Hu għadda għall-ħajja dejjem fl-Isptar Mater Dei ftit qabel nofs  il-lejl tat-Tlieta, 18 ta’ Marzu fl-età ta’ 79 sena.

In-nomina tiegħu bħala Arċisqof ta’ Malta tħabbret fit-2 ta’ Diċembru 2006 u kien konsagrat isqof fis-26 ta’ Jannar 2007. L-Arċisqof Cremona għażel bħala motto għall-episkopat tiegħu: “Ħejju t-Triq għall-Mulej.”

Il-Papa Franġisku laqa’ rriżenja tiegħu minn Arċisqof ta’ Malta fit-18 ta’ Ottubru 2014.

L-Arċisqof Cremona rtira fil-Kunvent tad-Dumnikani r-Rabat u fl-aħħar snin kien fid-Dar tal-Kleru f’Birkirkara.

TISLIMA LILL-ARĊISQOF EMERITU PAWLU CREMONA OP                                                                 
L-E.T. il-President ta’ Malta Myriam Spiteri Debono sellmet il-memorja tal-Arċisqof Emeritu Pawlu Cremona li mexxa l-Knisja Maltija b’imħabba u umiltà u jibqa’ mfakkar għall-ġid li għamel fis-silenzju f’iktar minn 50 sena ta’ servizz fi ħdan il-Knisja Kattolika.

L-Arċisqof Charles J. Scicluna f’isem il-Knisja f’Malta qal li l-Knisja tibki t-telfa tal-maħbub Arċisqof Emeritu Pawlu Cremona u ssellem il-memorja tiegħu bħala ragħaj fidil u mimli mħabba li l-Knisja qed “tafdah f’idejn il-ħniena tar-Ragħaj it-Tajjeb.”

Il-Prim Ministru Robert Abela sellem il-memorja tal-Arċisqof Emeritu u ddeskrivih bħala “saċerdot twajjeb li mexxa l-Knisja b’umiltà u b’imħabba.”
L-Ispeaker tal-Parlament Anġlu Farrugia wera s-sobgħa tiegħu u tal-Membri tal-Parlament għat-telfa tal-Arċisqof Emeritu Pawlu Cremona, bniedem ta’ fidi u ta’ karità kbira u li ħalla warajh legat ta’ mħabba kbira.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech qal li “l-poplu Malti tilef qaddej twajjeb li ħabb u għamel ħafna ġid ma’ kulħadd mhux biss bil-kelma ħelwa u bl-eżempju tiegħu, iżda wkoll bit-tbissima ġenwina li kellu.”

L-ARĊISQOF EMERITU PAWLU CREMONA MOGĦTI L-AĦĦAR TISLIMA
Il-funeral tal-Arċisqof Emeritu Pawlu Cremona, ikkordinat bejn il-Knisja u l-Istat, sar fil-konkatidral ta’ San Ġwann, il-Belt Valletta, is-Sibt, 22 ta’ Marzu, filgħodu b’quddiesa praesente cadavere immexxija mill-Arċisqof Charles J. Scicluna.

Wara l-quddiesa sar korteo funebri mill-Konkatidral għal Triq ir-Repubblika sad-daħla tal-Belt Valletta.

Fi tmiem il-korteo, issa f’forma privata, il-ġisem tal-Arċisqof Emeritu ttieħed fil-knisja tal-Madonna tal-Għar u ta’ San Duminku, ir-Rabat, fejn saret id-difna waqt id-daqq tal-qniepen fi transitu mill-knejjes kollha ta’ Malta b’tislima  lill-Arċisqof Emeritu Pawlu Cremona O.P. Dan it-transutu ndaqq ukoll il-Ħamis u l-Ġimgħa f’nofsinhar u f’inżul ix-xemx.

Il-bnadar fuq binjiet ekkleżjastiċi u pubbliċi matul il-ġurnata tas-Sibt ittajru mezz’asta.

Il-Ħamis wara nofsinhar sar  il-korteo funebri mill-isptar Mater Dei għall-Konkatidral ta’ San Ġwann, il-Belt Valletta.

Mal-wasla tal-korteo quddiem il-bażilika minuri ta’ Sidtna Marija ta’ Portu Salvu u ta’ San Duminku l-Belt ingħatat tislima lill-Arċisqof Emeritu Pawlu Cremona mill-familja Dumnikana.

Il-korteo funebri imbagħad mexa lejn il-konkatidral ta’ San Ġwann.

F’salib it-toroq bejn Triq San Ġwann u Triq ir-Repubblika l-korteo tmexxa mill-Kapitlu Metropolitan sal-Oratorju tal-Konkatidral ta’ San Ġwann fejn l-Arċisqof Scicluna mexxa l-għasar tal-mejtin.

L-Arċisqof Emeritu kien espost għall-qima tal-pubbliku fl-Oratorju fejn kien hemm ukoll il-ktieb tal-kondoljanzi.

Filgħaxija ngħad ir-Rużarju mill-familja Dumnikana.

Il-Ġimgħa filgħodu wara t-tifħir ta’ Sbiħ il-Jum kienet ċelebrata quddiesa u imbagħad l-Arċisqof Emeritu kien espost għall-qima tal-pubbliku sa tard filgħaxija. Ingħad ukoll ir-Rużarju din id-darba mill-Arċisqof Scicluna.

L-ARĊISOF PAWLU CREMONA U Ċ-ĊENTRU AMINAZZJONI U KOMUNIKAZZJIONI (ĊAK)
Iċ-Ċentru Aminazzjoni u Komunikazzjoni tal-patrijiet Franġiskani Konventwali kellu relazzjoni tajba mal-Arċisqof Pawlu Cremona. Wara l-ħatra tiegħu, ir-rivista Il-Ħabbar ta’ Sant’Antin (ħarġa Jannar-Marzu 2007) kellha l-editorjal u żewġ paġni speċjali bil-biografija u intervista miegħu u fl-2004 ċ-ĊAK ippubblika l-katekeżi tiegħu Sħaħ fil-Fidi: il-virtujiet tal-ħajja tan-Nisrani fil-fuljett Jum il-Mulej.

L-Arċisqof Cremona kien ukoll bierek il-bookshop Emmaus f’Birkirkara f’Ġunju 2008.

Michael Caruana
0
reviews
ĊAK, Triq S. Sommier, Birkirkara BKR4611 - MALTA
Tel: +356 21 498 343 - info@habbar.cakmalta.org

© ĊAK Ltd. Franġiskani Konventwali, Malta 2025
Back to content